Il-PN bis-sejħa tal-Konvenzjoni Ġenerali; Il-PL jikkritika lill-kandidati

Adrian-Delia-Bernard-Grech-Newsbook

Il-Partit Nazzjonalista ħabbar li l-Konvenzjoni Ġenerali se ssir is-Sibt, 3 t’Ottubru fit-8am.

Dan wara li lbieraħ filgħaxija, waqt il-laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv imsejħa fuq talba tal-President tal-Kunsill Ġenerali, il-Kumitat approva unanimament it-talba li tissejjaħ il-Konvenzjoni Ġenerali tal-partit għal nhar is-Sibt 3 ta’ Ottubru.

L-aġenda tal-Konvenzjoni se tkun li l-ewwel issir il-votazzjoni mit-tesserati fl-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista f’postijiet u ħinijiet tal-votazzjoni kif deċiż mill-Kummissjoni Elettorali, imbagħad jingħaddu l-voti mill-Kummissjoni Elettorali fid-Dar Ċentrali tal-Partit f’Tal-Pietà u mbagħad, jitħabbar ir-riżultat mill-President tal-Kunsill Ġenerali bħala President tal-Konvenzjoni.

Iż-żewġ kandidati għall-elezzjoni huma Bernard Grech u Adrian Delia. Grech beda jitqies kandidat uffiċjalment tlett ijiem ilu, filwaqt li Delia sar kandidat uffiċjali llum, billi ressaq in-nomina tiegħu għall-kandidatura.

“Delia u Grech kandidati tal-istess pezza” – Il-Partit Laburista

Waqt il-laqgħa tal-Kumitat tal-PN ilbieraħ, ġiet approvata mozzjoni ta’ Adrian Delia biex jiġi ppubblikat ir-rapport tad-due diligence li twettaq fuqu u fuq Grech.

Il-Partit Laburista sejjaħ dan ir-rapport “konferma” li Delia u Grech huma “żewġ kandidati tal-istess pezza.”

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-President tal-PL Ramona Attard semmiet kif ir-rapport tad-due diligence naqas milli jinnota jekk il-kandidati humiex idonji għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista, b’kuntrast għall-konklużjoni tal-Kummissjoni tal-kandidati tal-Partit Nazzjonalista li qalet li kemm Delia u Grech huma idjoni għat-tmexxija.

Il-Partit Laburista nnota wkoll l-iżbilanċ bejn dak li qal ir-rapport fuq Adrian Delia kkumparat ma’ dak li qal fuq Bernard Grech. Il-President tal-Partit Nazzjonalista Ramona Attard innutat kif minn rapport ta’ 26 paġna kien hemm biss żewġ paġni fuq Bernard Grech. Il-President tal-Partit Laburista qalet ukoll li dan huwa rapport difettuż li jserraħ biss fuq rapporti tal-midja.

Min-naħa tiegħu, il-Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba rrimarka kif dawk li wettqu r-rapport bdewh bi premura fejn fiha qalu li kellhom nuqqas ta’ ħin u riżorsi. Semma wkoll in-nuqqasijiet finanzjarji li għandhom kemm Adrian Delia u anke Bernard Grech.