“Il-PN bi proposti long-term għat-trasport”

Fil-jiem li ġejjin, il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jippubblika set ta’ proposti long-term għall-problema tat-trasport f’Malta.
Waqt diskors li għamel fil-każin tal-PN tal-Isla, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista semma kif fost dawn il-proposti, se jkun hemm proposta għal sistema ta’ metro f’Malta. Qal li filwaqt li s-sena l-oħra l-PN ippubblika diversi proposti short-term, issa se jkun qed jippubblika proposti long-term, li jieħdu madwar ħmistax u għoxrin sena biex jiġu mwettqa.
Simon Busuttil qal li l-PN hu “il-partit tas-soluzzjonijiet”, u għalhekk, sostna Dr Busuttil, la l-Gvern immexxi mill-Partit Laburista ma kienx kapaċi jsib soluzzjoni għall-problema tat-traffiku f’Malta, mela issa jsib is-soluzzjoni l-Partit Nazzjonalista.
Qal li b’sistema effiċjenti tat-trasport, fejn tkun taf fix-ħin se titlaq u fix-ħin se tasal, il-poplu jkun lest juża dawn il-mezzi alternattivi tat-trasport.
Simon Busuttil qal li l-PN hu partit iktar minn sempliċiment partit fl-oppożizzjoni, għax anke mill-oppożizzjoni, qed jgħid lin-nies x’inhi l-viżjoni tiegħu u qed jippreżenta l-proposti tiegħu.
Spjega kif hu ma jridx li l-Partit Nazzjonalista jirbaħ elezzjoni għax il-Partit Laburista hu agħar mill-Partit Nazzjonalista, iżda, għax il-Partit Nazzjonalista hu aħjar mill-Partit Laburista.
Sostna li l-PN b’hekk irid iġib il-fiduċja tan-nies, u li l-PN irid jirbaħ l-elezzjoni billi jikkonvinċi lin-nies li hu għandu l-aħjar ideat, proposti u viżjoni għat-tmexxija tal-pajjiż.
Il-Kap Nazzjonalista semma wkoll xi proposti li l-PN ippreżenta f’dawn l-aħħar ġimgħat, fosthom il-proposta ta’ paga ugwali għal kulħadd, u l-proposta li anzjani li qed jgħixu bil-pensjoni tingħatalhom il-mediċina b’xejn. Qal li għall-PN, ħadd m’għandu jkun tallab, u ħadd m’għandu jkollu joqgħod imur Kastilja jittallab biex jieħu dak li hu tiegħu bi dritt.
Tkellem ukoll dwar id-deċiżjoni tal-Bord ta’ Inkjesta dwar il-każ tad-droga f’Għawdex, li ma sab ebda irregolarità, u qal kif jekk min hu fil-poter jindaħal biex il-ġustizzja ma ssirx, ikollok kollass sħiħ tas-sistema.
Sostna li s-sistema f’Malta hi li min jobdi l-liġi jiġi kkastigat, filwaqt li min jikser il-liġi jiġi ppremjat.
“Min ħoloq il-problemi m’għandux l-istabilità u l-kredibilità jsolvihom” – Partit Laburista
B’reazzjoni l-Partit Laburista qal li Simon Busuttil m’għandux stabilità u kredibilità biex isolvi l-problemi li jaffaċjaw in-nies fil-ħajja ta’ kuljum, għax kien hu bid-diversi kpiepel li kellu taħt il-PN fil-Gvern, li ħoloq dawn il-problemi li ilhom jakkumulaw għal diversi snin.