Il-PN bi proposti għas-saħħa mentali minħabba l-pandemija

Read in English.

Il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi li jkun hawn Crisis Intervention Unit għas-saħħa mentali li jkun aċċessibbli 24 siegħa kuljum.

Id-deputat Nazzjonalista Mario Galea rringrazzja lill-Professur Charmaine Gauci u lit-tim tagħha filwaqt li qal li kellu l-unur li jaħdem magħhom fi żmien is-Swine Flu. Huwa qal li kulħadd għandu r-responsabbiltà personali biex iwaqqaf l-imxija tal-coronavirus.

Huwa tkellem b’mod partikolari dwar miżuri biex jissalvagwardjaw is-saħħa mentali. Huwa qal li l-esperti qed ibassru li jkun hawn żieda ta’ suwiċidji. Stqarr li għalhekk il-ġisem ma jistgħax jinfired fi tnejn għax qal li l-moħħ huwa important daqs il-ġisem u għalhekk jirrikjedi li jkun hemm kura mentali li jkun aċċessibbli 24 siegħa kuljum. Huwa għalhekk ippropona li l-fergħa tal-kura tas-saħħa mentali għandha terġa’ twaqqaf l-emerġenza mentali ta’ Crisis Intervention Team.

Dan filwaqt li semma għadd ta’ kundizzjonijiet li l-bidliet li aru qed jaffettwaw is-saħħa mentali tal-Maltin u l-Għawdxin. Huwa kkwota l-parir ta’ esperti li jgħidu li l-iżolazzjoni soċjali jwassal għal suwiċidji u bassar li se jiżdiedu fiż-żmien li ġej.

Id-deputat Nazzjonalista Stephen Spiteri qal li l-għeluq tal-ajruport sar tard għax qal li sal-lum stess għad ikunu qed jiġu rrappurtati każijiet ta’ coronavirus li huma impurtati. Huwa qal li dan ta lok li l-virus jixtered malajr f’Malta u jkun hawn trasmissjonijiet lokali.

Fil-konferenza huma qalu li l-Gvern irid jipprepara bil-lest u mhux immaniġjar bi kriżi. Stqarr li l-Gvern għandu jassigura li t-tobba, l-infermiera u dawk kollha li jaħdmu fil-kura primarja għandhom ikunu protetti u mħarrġa b’mod tajjeb.

Fisser li l-kura primarja għandha tibqa’ tingħata għaliex l-inċidenti se jibqgħu jiġru u anke fid-dawl ta’ mard ieħor. Qal li l-Partit Nazzjonalista jrid jassigura li l-Gvern jaħdem biex ma jkunx hemm traġedji bħalma hemm f’pajjiżi oħra.

Appella biex kulħadd isegwi d-direttivi tal-awtoritajiet tas-saħħa u biex kulħadd iżomm l-iġene tiegħu personali.

F’din il-konferenza tal-aħbarijiet tkellmet ukoll id-deputat Nazzjonalista Maria Deguara. Hija qalet li t-tobba fil-qasam tal-kura primarja tħallew waħidhom u bla pjan.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn