Il-PN bi programm biex iħarreġ politiċi żgħażagħ

Il-Partit Nazzjonalista nied programm ta’ formazzjoni publika li jġib l-isem ta’ Future Leaders bl-intenzjoni li jinbena Partit żagħżugħ, skont is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli.

Future Leaders, żied jgħid Puli, huwa programm ta’ taħriġ u żvilupp għal żgħażagħ ta’ bejn l-14 u l-25 sena li jaspiraw li jidħlu fil-ħajja politika. Dan il-programm se jsir flimkien mal-Akkademja għall-Iżvilupp ta’ Ambjent Demokratiku, AŻAD.

Il-Kap Eżekuttiv tal-AŻAD, Roderick Aguis, spjega kif dan il-proġett se jkun qed jinkludi sessjonijiet interattivi dwar temi publiċi, fosthom xi tfisser li tidħol fl-arena politika, kif tidher u titkellem fil-pubbliku b’kunfidenza u tiddibatti, kif tagħmel kampanja politika, kummentarju u analiżi politika. Huwa kompla billi spjega li se jkun hemm sessjonijiet dwar kif taħdem il-midja u l-użu ta’ mezzi soċjali fil-Politika u kif taħdem l-Unjoni Ewropea.

Il-Koordinatur ta’ Future Leaders Charlo Bonniċi spjega kif dawk li se jipparteċipaw fil-programm se jingħataw l-opportunità t’ overshadowing uffiċċjali u ħidma prattika fi ħdan il-Partit Nazzjonalista.

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista spjega kif dan il-programm huwa wieħed minn diversi inizzjattivi fil-proċess ta’ tiġdid li qed isir fi ħdan il-Partit Nazzjonalista. Future Leaders se jibda f’Novembru li ġej u se jibqa’ għaddej sa tmiem l-ewwel kwart tal-2019.

Kull min hu interessat li jipparteċipa f’dan il-programm ta’ formazzjoni politika għandu jibgħat imejl lil roderick.agius@azad.com.mt jew jimla l-applikazzjoni online f’din il-link https://tinyurl.com/y7b2uk6v mhux aktar tard mill-14 ta’ Ottubru li ġej. Il-parteċipazzjoni  hija mingħajr ħlas.