Il-PN bi pjan Ewropew kontra l-kanċer

Read in English.

Wara li l-Partit Nazzjonalista ressaq 30 proposta għat-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-kanċer, dawn il-proposti issa se jiġu indirizzati fuq livell Ewropew permezz ta’ master plan Ewropew kontra l-kanċer.

Dan ħabbruh il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Stephen Spiteri, l-MEP u kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Francis Zammit Dimech u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Affarijiet Ewropej u kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew David Stellini waqt konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali.

Huma qalu li s-saħħa minn dejjem kienet prijorità ghall-Partit Nazzjonalista u fil-manifest elettorali tiegħu, qed jipproponi skambju ta’ informazzjoni, titjib fil-prevenzjoni tal-kanċer permezz ta’ programmi ta’ screening, investiment akbar fir-riċerka tal-kanċer, aċċessibilità akbar tal-ehealth, li tkun assigurata kwalità tajba tal-ikel li jkun disponibbli fis-suq u li jkun hemm implimentazzjoni fil-ħin tal-iskema tal-frott u ħaxix li jitqassam b’xejn fl-iskejjel, miżuri li huma kollha importanti fil-ġlieda kontra l-kanċer.

Stephen Spiteri nnota li bosta tfal li jaqbadhom il-kanċer ifiqu u għaldaqstant, jeħtieġ li jsir investiment kbir fir-riċerka tal-kanċer inkluż dak li jolqot lit-tfal. Francis Zammit Dimech qal li permezz ta’ master plan Ewropew li għandu l-appoġġ tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) kif ukoll ta’ Manfred Weber, il-PN se jaħdem biex jiġbor ir-riżorsi kollha fl-Ewropa inklużi l-għerf u s-sejbiet tar-riċerkaturi. Min-naħa tiegħu, David Stellini qal li jkun żball jekk wieħed jaħseb li d-deċiżjonijiet tas-saħħa huma xogħol l-istati membri biss, peress li l-UE tista’ tgħin ħafna f’dawk li huma fondi.