Il-PN b’mozzjoni għall-indipendenza tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali

Il-Partit Nazzjonalista l-ġimgħa d-dieħla se jressaq mozzjoni fil-Parlament biex jiġi emendat l-Att dwar is-Saħħa mentali, biex it-tneħħija mill-kariga ta’ Kummissarju tkun tista’ sseħħ biss bis-saħħa ta’ żewġ terzi tal-Membri Parlamentari.
Fi stqarrija, il-PN qal li jispera li jintlaħaq kunsens dwar din il-proposta u saħaq li l-Kummissarju għas-Saħħa Mentali huwa t-tarka ta’ pazjenti vulnerabbli.
Il-Partit Nazzjonalista qal li l-Att dwar is-Saħħa Mentali għadda mill-Parlament f’Diċembru 2012 bil-għan li l-pazjent jingħata mhux biss il-kura neċessarja, iżda d-dinjità li tixraqlu. Żied jgħid li l-aħħar stadju tal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi daħlu fis-seħħ illum, bl-aktar aspetti jkunu dawk marbutin mal-kura fil-komunità u mad-dħul f’istituzzjonijiet mentali.
Il-PN insista li dispożizzjoni ewlenija ta’din il-liġi hi t-twaqqif tal-kariga ta’ Kummissarju għas-Saħħa Mentali.