Il-PN b’mozzjoni fil-Parlament dwar ir-rapport tal-MEPs; deskritta “attentat fjakk”

Il-Partit Nazzjonalista llum ippreżenta mozzjoni fil-Parlament sabiex jiġi diskuss ir-rapport tal-Parlament Ewropew dwar Malta, li tħejja wara ż-żjara tad-delegazzjoni PANA/LIBE li ġiet f’Diċembru biex tinvestiga jekk hux qed tiġi mħarsa l-liġi f’Malta.
Madankollu l-Partit Laburista rreaġixxa billi qal li dan kollu kien attentat fjakk tad-Deputat Nazzjonalista, Jason Azzopardi, biex jgħin lil sieħbu l-Ewroparlamentari David Casa biex, fi kliem il-PL, jibqa’ relevanti ladarba hemm sezzjonijiet mill-PN li qed iwarrbuh.
Fir-rapport, imħejji mill-Ewroparlamentari Ana Gomes, kien fost l-oħrajn jirrakkomanda li dawk il-persuni esposti politikament li isimhom deher fil-Panama Papers jitneħħew mir-rwol pubbliku tagħhom.
Il-mozzjoni tal-PN tgħid li huwa fl-interess nazzjonali li ssir din id-diskussjoni biex ma jkunx hawn riperkussjonijiet fuq setturi importanti u professjonisti, li għandhom reputazzjoni tajba.
Il-PL wieġeb billi qal li l-mistoqsijiet tad-delegazzjoni diġa ġew imwieġba minn membri tal-Gvern Malti.
“Minn naħa l-oħra jekk il-Partit Nazzjonalista ried ikun kredibbli kellu jdaħħal sezzjoni fuq l-evażjoni tat-taxxa u kif min iħaddan is-saltna tad-dritt iħallas dak dovut minnu lill-istat”, ittemm l-istqarrija tal-PL.
Il-mozzjoni tal-PN tressqet minn Azzopardi, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista, David Agius, u l-Whip tal-Grupp Parlamentari, Robert Cutajar.