Il-PN b’mozzjoni fil-Parlament biex jitraħħsu l-prezzijiet tal-fuel

L-Oppożizzjoni se tkun qed tressaq Mozzjoni fil-Parlament, għada t-Tnejn, li fiha se tkun qed tinsisti mal-Gvern biex ibaxxi l-prezzijiet tal-petrol u d-diesel.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qiegħed jinsisti mal-Gvern biex iraħħas il-prezz tal-petrol u d-diesel biex dan jirrifletti r-roħs fil-prezz internazzjonali taż-żejt.
Simon Busuttil qal li matul dawn l-aħħar xhur, il-prezz internazzjonali taż-żejt naqas b’aktar minn-nofs, iżda l-konsumatur Malti għadu ma bediex igawdi minn dan ir-roħs sostanzjali fil-prezz taż-żejt.  Filfatt, il-prezz fil-pompi tal-fuel f’Malta għadhom €1.42 għal kull litru petrol u €1.35 għal kull litru diesel.
L-Oppożizzjoni, qalet li dan mhux aċċettabbli b’mod speċjali meta wieħed iqabbel il-prezzijiet ma’ pajjiżi oħra fl-Unjoni Ewropea.
F’din il-mozzjoni l-Oppożizzjoni se tinsisti mal-Gvern biex ibaxxi l-prezzijiet tal-petrol u d-diesel, u biex dawn il-prezzijiet ikunu raġonevoli u li jirriflettu r-roħs sostanzjali.