Il-PN b’mozzjoni dwar l-avviż legali tal-universitajiet

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil ippreżenta mozzjoni Parlamentari li titlob għal diskussjoni urġenti dwar l-avviż legali 150 tal-istandards tal-Universitajiet.
Simon Busuttil qal li dan l-avviż legali sar mingħajr konsultazzjoni u iqis li se tkun qed tagħti vantaġġ lill-investituri mill-Ġordan Sadeen Group li jridu jibnu università fiż-Żonqor f’Wied il-Għajn.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li dan l-avviż legali se jħalli effett negattiv fuq l-Università ta’ Malta u se jkun qed inaqqas indirettament il-valur tal-Università u r-reputazzjoni tal-akkademiċi, b’detriment lejn l-istudenti.
Simon Busuttil appella lill-għaqdiet mhux governattivi edukattivi u ambjentali biex jieħdu pożizzjoni kontra l-pjanijiet tal-Gvern.
 
Reazzjoni Gvern
F’konferenza tal-Aħbarijiet, il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo qal li l-avviż legali 150 se jkun qed jissikka l-istandards meħtieġa, speċjalment dawk taċ-ċentri għat-taħriġ.
Evarist Bartolo spjega kif hija l-Kummissjoni għall-Edukazzjoni Għolja li tagħmel skrutinju tal-applikanti għall-Universitajiet u m’hemmx indħil mill-Gvern.
Spjega li l-Kummissjoni ilha għal dawn l-aħħar xhur taħdem fuq l-avviż legali u li dan irid jittieħed fil-kuntest tal-Att dwar l-Edukazzjoni.
Saħaq li l-avviż ma sarx biex jagħti vantaġġ lill-Università Amerikana kif qal il-Kap tal-Oppożizzjoni.
Il-Ministru enfasizza li f’pajjiżna ħadd ma huwa se jixtri liċenzja biex jopera Università.