​Il-PN b’appell kostituzzjonali dwar il-Kummissjoni Elettorali

Il-Partit Nazzjonalista ressaq rikors li fih qed jisħaq li l-Qorti applikat il-Kostituzzjoni b'tali mod li qed tipperikola d-dritt ta’ smiegħ xieraq.
Il-PN sostna li dan hu perikoluż għax il-Kummissjoni Elettorali għandha rwol ta’ prosekutur kif ukoll ta’ Imħallef fl-istess kawża b’rabta mal-liġi tal-finanzjamenti tal-partiti.
Qal li propju għalhekk qed iressaq dan ir-rikors quddiem il-Qorti Kostituzzjonali li permezz tiegħu qed jappella mis-sentenza li kienet inħarġet mill-Prim Awla tal-Qorti dwar il-funzjonijiet tal-Kummissjoni Elettorali.
Ir-rikors li huwa ffirmat mill-avukat Jason Azzopardi, isostni li r-rimedju tal-appell mhux biżżejjed biex iħassar l-illegalità li tkun saret fl-ewwel stadju għax il-Qorti fl-appell ma’ tismax dawk li jkunu xehdu quddiem il-Kummissjoni Elettorali.
Ir-rikors jgħid li l-Kummissjoni ma kinitx awtorizzata tiddelega il-poteri tagħha lil kumitat ieħor sabiex jiġbor il-provi.
Fir-rikors jissemma kif il-Partit Nazzjonalista se jkun qed isofri “ħsarat irreparabbli” sakemm jistenna d-deċiżjoni dwar l-appell quddiem il-qrati ċivili.
Il-Partit Nazzjonalista temm jgħid li s-sanzjonijiet jinkludu multa massima ta’ €50,000 u s-sospensjoni ta’ uffiċjali tal-partit, iżda sostna li dawn imorru kontra l-ġustizzja u d-drittijiet fundamentali. Fakkar kif il-PN qatt ma rċieva notifika uffiċjali tindika dwar xiex il-partit qed jiġi investigat.