Delia lest li jħabbat il-bieb tan-nies imweġġa’ mill-PN

Il-kandidat għall-elezzjoni tal-kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li jħoss il-bżonn li jħabbat il-bieb ta’ dawk in-nies li ħassewhom imweġġa’ tul is-snin li l-PN għamel fil-Gvern, biex jitlob skuża.
Delia sostna li mhux dejjem kien il-partit li naqas lil dawn in-nies, iżda setgħu kienu partitarji li abbużaw mill-poter tagħhom.
Aktar kmieni, fi stqarrija oħra Adrian Delia saħaq li ħafna drabi l-PN aġixxa qisu l-politika mhix għan-nies, imma li n-nies qegħdin hemm għall-politiċi.
Dr Delia kompla jgħid li l-partit ma jistax jerġa’ jagħmel dan l-iżball u li l-għan aħħari tal-PN dejjem kien li jwettaq il-ġid fis-soċjetà. Adrian Delia temm billi fakkar li ħareġ bi pjan soċjali u ieħor għas-self-employed, liema pjanijiet jistgħu jibdew jitwettqu mill-Oppożizzjoni.

Qal li fil-jiem li ġejjin se jkompli jagħmel aktar proposti li jħarsu lejn il-bżonnijiet għaż-żmien li ġej.