“Il-PM żamm l-ajruport miftuħ sakemm irritorna Muscat” – David Thake

Id-deputat Nazzjonalista David Thake qal li l-Prim Ministru Robert Abela ħalla l-ajruport ta’ Malta miftuħ sakemm irritorna l-eks Prim Ministru Joseph Muscat minn Londra, u skontu dan sar b’riskju lejn is-saħħa tal-poplu.

F’dak li hu meqjus bħala l-ewwel diskors uffiċjali tiegħu mindu nħatar deputat flok l-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil, Thake qal li b’din l-azzjoni, il-Prim Ministru Abela għamel dikjarazzjoni ċara li għalih Muscat hu iktar importanti mill-poplu Malti. Saħaq li dan għaliex il-Prim Ministru ħalla t-titjiriet lejn Londra miftuħa sakemm jasal lura Muscat. 

Thake staqsa jekk il-Prim Ministru jagħtix assigurazzjoni li ma’ Muscat f’dan il-perjodu ma daħal ħadd ieħor bil-marda f’Malta.

Skont Thake, Muscat għandu jgħid għaliex mar Londra. Huwa qal li xi kultant jitfixkel min hu l-Prim Ministru jew jekk għandux isejjaħlu Joseph Abela jew Robert Muscat. 

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn