Il-PM wettaq attakk fuq id-demokrazija – Repubblika

MaltaGov

Read in English.

L-għaqda Repubblika kkritikat lill-Prim Ministru Robert Abela għall-konferenza tal-aħbarijiet li indirizza lbieraħ filgħaxija wara żewġ denunzji sottomessi mill-istess NGO dwar allegat sabotaġġ ta’ dgħajsa tal-immigranti. Abela deher ilbieraħ fuq l-istazzjon nazzjonali fejn indirizza lin-Nazzjon, bil-membri tal-Kabinett warajh u mingħajr il-preżenza la diġitali u bil-wisq inqas fiżika tal-midja.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet dalgħodu, Repubblika qalet li l-intenzjoni tal-gvern kienet tidher biċ-ċar fil-ħin li għażel li jindirizza l-konferenza tal-aħbarijiet u fil-metodu li għażel biex jagħmel dan. Qalet li l-Prim Ministru wettaq attakk fuq id-demokrazija għax ipprova jiskredita NGO li għamlet ilmenti kriminali dwar allegazzjonijiet serji li s’issa għandhom ma ġewx miċħuda.

Malta ddikkjarat li l-portijiet tagħha mhumiex siguri u għalhekk mhux se tkun qed tħalli d-dgħajjes tal-immigranti jidħlu fil-pajjiż qalb il-pandemija tal-coronavirus. Il-gvern ipprojbixxa NGOs tat-tiftix u s-salvataġġ milli jiżbarkaw persuni li jkunu ġew salvati mill-għarqa għax il-pajjiż għandu nuqqas ta’ riżorsi fiż-żmien kurrenti.

Repubblika ssottomettiet żewġ denunzji, waħda kontra l-ekwipaġġ ta’ P52 u oħra kontra l-Prim Ministru Robert Abela u l-Brigadier tal-Armata Jeffrey Curmi. Dan wara li fil-jiem ta’ qabel ħarġu allegazzjonijiet li uffiċjali tal-Forzi Armati ta’ Malta kienu qatgħu l-cable tal-mutur ta’ dgħajsa li fuqha kien hemm grupp ta’ immigranti. Dawn kienu tħallew hemm għal numru ta’ sigħat sakemm eventwalment ġew salvati u ddaħħlu Malta. S’issa la l-Gvern u lanqas il-Forzi Armati ta’ Malta ma ċaħdu dawn l-allegazzjonijiet serji.

Repubblika dalgħodu kkritikat lill-Gvern u akkużatu li dawwar il-fatti b’mod malizzjuż. Irrimarkat li l-konferenza tal-aħbarijiet tal-Prim Ministru ma ppermettietx lill-midja biex jagħmlu l-mistoqsijiet tagħhom dwar il-każ.

Il-President ta’ Repubblika, Vicki Ann Cremona, qalet li f’dan il-każ ma kienx sempliċiment xi ħaġa fejn wieħed ikkawża ħsarat fuq propjetà ta’ terzi, iżda l-ħsara setgħet wasslet għall-imwiet tal-persuni abbord. “Aħna sempliċiment tlabna lill-pulizija tinvestiga,” qalet Prof. Cremona.

“Ma nistgħux nifhmu għaliex il-pubbliku jinsab daqshekk sorpriż dwar it-talba tagħna għal investigazzjoni. Kulħadd huwa ugwali f’għajnejn il-liġi,” irrimarkat Prof. Cremona.

Hi kompliet billi spjegat ir-raġuni wara l-ilment kriminali u qalet li l-NGO staqsiet lill-Pulizija tinvestiga sabiex tara jekk l-imwiet riċenti fil-baħar Mediterran kienux kawża tad-deċiżjoni li ħadu l-Prim Ministru u l-Brigadier.

Hu u jwieġeb mistoqsija ta’ Newsbook.com.mt, Robert Aquilina nnota li l-allegazzjonijiet li saru fil-konfront tal-gvern ma ġew miċħuda u għalhekk hemm bżonn investigazzjoni. Qal li f’pajjiż ċivilizzat, kienet tiġi skattata investigazzjoni immedjata malli joħorġu allegazzjonijiet tat-tip. “M’hemm l-ebda indikazzjoni li l-istituzzjonijiet relevati ħadu l-passi neċessarji u ssottomettew ilment biex issir investigazzjoni,” wieġeb jgħid Aquilina.

Hu u jitkellem dwar it-talba li Repubblika stess issottomettiet lill-Qorti Ewropea għad-Drittijiet Umani, Repubblika spejagt li t-talba kienet sottomessa l-Erbgħa waranofsinhar bħala inizjattiva biex twassal għas-salvataġġ ta’ 55 individwu. Qalet li l-għan kien li toħloq pressjoni fuq il-Gvern Malti u Taljan biex jieħdu azzjoni permezz tal-Qorti bbażata fi Strasburgu.

Prof. Cremona spjegat li r-rapporti tal-ħames individwi mejta u s-seba’ persuni nieqsa ħarġet wara li l-NGO issottomettiet it-talba għal miżuri interim. Intant, grupp ieħor ta’ persuni ġew sfurzati jirritonaw lejn il-Libja. “Ma kienx għad fadal xi jsir min-naħa tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet Umani la s-sitwazzjoni solviet lilha nnifisha,” spjegat Prof. Cremona.

L-NGO rreferiet ukoll għan-narrattiva tal-gvern fejn qed jakkuża lill-NGO li tradiet lill-pajjiż. Prof. Cremona rreferiet għall-kummenti li għamel il-Membru Parlamentari Glenn Bedingfield li akkuża lill-attivisti li “qed jaħdmu fl-interessi tal-għadu”. Il-President ta’ Repubblika rrimarkat li l-NGO ma tafx min hu dan “l-għadu” li qed jirreferi għalih Bedingfield u li l-Gvern kien qed juża’ dan il-każ bħala opportunità biex idawwar lill-pubbliku kontrihom. “Rajna l-amministrazzjoni preċedenti tuża dawn it-tattiċi fuq il-ġurnalista assassinta Daphne Caruana Galizia,” qalet Prof. Cremona.