“Il-PM uża l-poter biex jipproteġi lill-aqwa ħabib tiegħu”

L-organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili, Repubblika, qalet li “l-Prim Ministru Joseph Muscat eżerċita l-poteri tiegħu biex jipproteġi lill-aqwa ħabib tiegħu, sakemm mhux lilu nnifsu wkoll, biex ma jeħilx għar-reati kriminali li wettaq”. “Ħbiebu jistgħu jisirqu u anke joqtlu, mingħajr ma jiġrilhom b’xejn”, tkompli tgħid.

Repubblika kienet qed tirreferi għall-aħbar li l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri nħeles mill-Pulizija. Saħqet li dak li ġara huwa attakk fuq id-demokrazija u l-ġustizzja f’Malta.

“Ir-rilaxximent ta’ Keith Schembri huwa inspjegabbli”, żiedet tgħid Repubblika.

Fi stqarrija, l-organizzazzjoni fakkret li Yorgen Fenech “qed jiġi akkużat bl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Il-mottiv tal-assassinju huwa għax hi esponiet it-twaqqif tal-kumpanija 17 Black biex jixxaħħmu Keith Schembri u l-Ministru Konrad Mizzi. Schembri u Mizzi għandhom iħallsu għal dak li għamlu. Minflok, qed jiġu protetti fuq l-istruzzjonijiet tal-Prim Ministru.

Repubblika tinsisti li Joseph Muscat għandu jirriżenja biex issir ġustizzja. Żiedet tgħid li “minflok, Muscat ikkontrolla l-Kummissarju Laurence Cutajar u lill-Avukat Ġenerali Peter Grech, biex jassigura li l-ġustizzja ma tolqotx lilu u lil ħbiebu”. Saħqet li effettivament dan ifisser li d-demokrazija m’għadhiex tiffunzjona.

Appellaw lill-Maltin u lill-Għawdxin biex jingħaqdu magħhom għall-protesta li se ssir illum fis-6pm, fi Pjazza Kastilja fil-Belt Valletta.