Aġġornata: ​Il-PM u l-Premier ta’ Victoria jiddiskutu l-ekonomija

L-ekonomija ta' Malta u l-Awstralja kienet fil-qofol tad-diskussjonijiet waqt laqgħa li saret bejn il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Premier tal-Istat ta’ Victoria fl-Awstralja Daniel Andrews.
Fi stqarrija, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru qal li Muscat tkellem dwar kif Malta ilha ħames snin tirreġistra tkabbir qawwi u xorta qed twettaq diversifikazzjoni tal-ekonomija, fosthom bid-digital ledger technologies bħal blockchain.
Muscat sostna li l-isfida hija li issa Malta jkollha l-ħaddiema li hemm bżonn li jimlew il-postijiet tax-xogħol li qed jinħolqu u li se jkomplu jinħolqu. Qal li hemm ukoll l-isfidi li joħloq dan l-istess ġid, fosthom iż-żieda fil-prezzijiet tal-kera u l-integrazzjoni mal-barranin.
Min-naħa tiegħu l-Premier ta’ Victoria Daniel Andrews semma kif l-aġenda ta’ żvilupp fl-istat ta’ Victoria qed toħloq attività ekonomika sinifikanti, mhux biss fis-settur tal-kostruzzjoni.
"Malta se tagħti l-appoġġ tagħha għal ftehim ta' negozju ħieles bejn l-UE u l-Awstralja" – Muscat
Intant, waqt laqgħa f'Melbourne, mal-Kunsill Ewropew-Awstraljan għan-Negozju, Joseph Muscat qal li hekk kif l-Unjoni Ewropea u l-Awstralja qed jippreparaw biex jibdew taħditiet dwar negozju faċilitat bejn iż-żewġ kontinenti, Malta qed tassigura l-għajnuna kollha tagħha biex jintlaħaq ftehim. 
Fisser kif iż-żjara tiegħu fl-Awstralja, apparti xejra nostalġika mal-komunità Maltija, għandha tifsira ewlenija fil-qafas tal-investiment, bi programm intiż biex iż-żewġ naħat jesploraw opportunitajiet ġodda ta’ xogħol.
Il-Prim Ministru semma s-settur tal-edukazzjoni b’numru ta’ istituzzjonijiet internazzjonali bħal Barts and the London School of Medical and Dentistry, kif ukoll l-oqsma tas-saħħa u t-turiżmu mediku.
"Pajjiżna qed jattira wkoll kumpaniji ġodda fir-riċerka farmaċewtika u din il-ġimgħa approva liġi dwar il-produzzjoni f’Malta tal-marijuana għal użu mediċinali b’interess qawwi minn investituri barranin", żied jgħid.
Waqt din il-laqgħa tkellmu wkoll il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Carmelo Abela u l-Kummissarju Għoli Malti għall-Awstralja Charles Muscat.
Ritratt: DOI – Jason Borg