​“Il-PM u l-Kummissarju mhux qed jieħdu azzjoni dwar korruzzjoni” – PD

Il-Partit Demokratiku esprima t-tħassib tiegħu dwar ir-rivelazzjonijiet ġodda li qed joħorġu dwar “korruzzjoni istitutizzjonalizzata” mill-ogħla livelli tal-gvern.
Bl-istess mod huwa ta’ tħassib għall-PD in-nuqqas ta’ aġir tal-Kummissarju tal-Pulizija li obbligat jagħmel bil-liġi, fil-konfront ta’ dawn ir-rivelazzjonijiet li sejħet bħala ‘kolossali’.
Il-PD sostna li għall-kuntrarju tal-impressjoni li qed jipprova jagħti l-Prim Ministru, l-inkjesti Maġisterjali mhumiex qrati għax dawn ma jistabilixxux ħtija jew innoċenza. Spjega li dawn l-inkjesti jeżaminaw biss
l-evidenza fejn il-Maġistrat jiddeċiedi jekk hemmx lok għal azzjoni kriminali jew le.
Il-PD saħaq li d-dokumenti li qed joħorġu mid-Daphne Project m’humiex stejjer antiki kif qed jagħti x’jifhem il-Prim Ministru.
Il-Partit Demokratiku argumenta li l-pubbliku jrid ikun infurmat dwar sensiela ta’ allegazzjonijiet. Qal li dawn jinkludu d-diskrepanza bejn l-istqarrija ta’ Konrad Mizzi u r-rapport tal-FIAU fil-bilanċ tal-account offshore li kellu, kif ukoll istruzzjonijiet lill-accountants biex titmexxa d-data ta’ xi tranżazzjonijiet wara li ħarġu l-Panama Papers fl-2016.
Rivelazzjonijiet oħra li ssemmew huma dawk dwar il-prokuri tal-Ministru Konrad Mizzi lil Nexia BT, id-dokumenti b’rabta mal-kumpaniji 17 Black u Macbridge,  u r-rapport tal-FIAU li allegatament jgħid li għandhom jinbdew investigazzjonijiet fil-konfront ta’ Konrad Mizzi, u r-rwol ta’ Nexia BT f’dan kollu.
Il-PD qal li b’hekk biss f’Malta tista’ terġa tidħol il-liġi tad-dritt li jassigura governanza etika u kontabbli.