Il-PM u l-Kap tal-Oppożizzjoni f’laqgħat ma’ Federica Mogherini

Il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil kellhom żewġ laqgħat separati mir-Rappreżentanta Għolja tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika dwar is-Sigurtà, Federica Mogherini.
Fil-laqgħa li saret mal-Prim Ministru ġew diskussi l-preparazzjonijiet li qed isiru għall-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li se tibda f'Jannar tal-2017.
Dr Muscat spjega li filwaqt li l-UE għaddejja minn żmien ta' inċertezza, Malta se tkun qed tippreżenta programm realistiku u ffukat, mingħajr delużjonijiet, u li hu iżda, b'għanijiet ċari fuq ir-riżultati li jistgħu jinkisbu.
Semma' wkoll is-sitwazzjoni kritika fis-Sirja u fil-Libja bħala waħda mill-prioritajiet li se jitpoġġew fuq l-aġenda.
Waqt il-laqgħa mal-Kap tal-Oppożizzjoni, Simon Busuttil saħaq dwar l-irwol kruċjali ta' Malta biex tgħin fil-ħidma tal-Unjoni Ewropea relatati mal-istabilità fil-Mediterran.
Dr Busuttil u Federica Mogherini ddiskutew is-sitwazzjoni fis-Sirja, kif ukoll kwistjonijiet relatati mas-sigurtà u mal-immigrazzjoni, fejn il-Kap tal-PN tkellem fuq l-importanza ta' kontinwazzjoni fejn tidħol għajnuna u kooperazzjoni ma' pajjiżi ta' oriġini.
F'laqgħa mal-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Carmelo Abela, ir-Rappreżentant Għoli kkonfermat li se tattendi l-laqgħa għall-uffiċjali għoljin li se ssir f'Malta bejn it-8 u d-9 ta' Frar 2017, biex tkompli tibni fuq il-Laqgħa Għolja tal-Belt Valletta dwar il-migrazzjoni li saret f'Novembru li għadda.