Il-PM tat-Turkija jxejjen sforzi għal ‘Kostituzzjoni Musulmana’

Il-Prim Ministru Tork, Ahmet Davutoglu, sostna li l-kostituzzjoni ta’ pajjiżu se tibqa’ sekulari hekk kif sar tentattiv biex din tinbidel għal waħda marbuta mar-reliġjon Musulmana.
Imma Davutoglu saħaq li l-karattru sekulari u demokratiku tal-pajjiż mhux f’diskussjoni.
Kien l-Ispeaker li lbieraħ issuġġerixxa li l-Kostituzzjoni ġdida tal-pajjiż tirrifletti l-karattru Musulman.
Madankollu, kritiċi tal-Gvern xorta qed jibżgħu li l-bidliet se jkomplu jnaqqsu n-natura sekulari tal-Kostituzzjoni Torka u li se żżid iktar poter f’idejn il-President, Recep Tayyip Erdogan, li jrid Presidenza Eżekuttiva minflok Parlament.
Skont il-Prim Ministru, il-Kostituzzjoni ġdida se tagħti libertà tar-reliġjon lil kull ċittadin u l-istat se jżomm ’il bogħod minn kull reliġjon bl-istess mod.