Il-PM tal-Libja jżur Malta

Aġġornat 10:51 AM
Libyan Prime Minister Fayez al-Sarraj leaves after an international conference on Libya at the Elysee Palace in Paris, France, May 29, 2018. REUTERS/Philippe Wojazer - RC15F2D52DD0

Read in English.

Il-Gvern Malti ħabbar li l-Prim Ministru tal-Libja Fayez al-Sarraj se jkun qed iżur Malta.

Din il-laqgħa ġiet wara li f’Mejju li għadda, kien il-Prim Ministru Malti Robert Abela, flimkien mal-Ministri Evarist Bartolo u Byron Camilleri li żaru l-Libja. Din iż-żjara kienet saret biex b’mod speċjali tkun diskussa l-problema tal-immigrazzjoni irregolari u t-traffikar uman mil-Libja lejn l-Unjoni Ewropea.

Kien spjegat kif wara ċ-ċerimonja tal-wasla fi Pjazza Kastilja, il-President tal-Kunsill tal-Presidenza Libjan tal-Gvern tal-Għaqda Nazzjonali tal-Libja flimkien ma’ delegazzjoni Libjana se jkollhom taħditiet uffiċjali mal-Prim Ministru Robert Abela dwar temi ta’ interess komuni għaż-żewġ pajjiżi fosthom l-immigrazzjoni.

Id-delegazzjoni Libjana tinkludi lill-Ministru għall-Intern Libjan Fathi Ali Abd-AlSalam Bashagha u lill-Minsitru għall-Affarijiet Barranin Libjan Mohamed Taher Siala.

Matul iż-żjara tiegħu f’Malta, Serraj se jkollu laqgħa wkoll mal-President tar-Repubblika George Vella.

Fi tweet ippubblikata fis-26 ta’ Ġunju, Neville Gafà inkluda filmat ta’ Sarraj nieżel minn fuq ajruplan għal żjara fl-Albanija. Fit-tweet Gafà staqsa jekk Sarraj hux se jkun qed iżur Malta wkoll fiż-żmien qarib.

Gafà li kien jaħdem fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru taħt l-amministrazzjoni ta’ Joseph Muscat, huwa magħruf bħala dak li kien jikkordina l-ħidmiet li għandhom x’jaqsmu mal-immigranti rregolari u kien dak li kien jitkellem mal-Libja b’rabta ma’ dan. Hu kien xehed fil-Qorti fejn qal li l-Uffiċċju tal-Prim Ministru din is-sena, minkejja li m’għadux impjegat mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru, talbu jikkordina pushback ta’ immigranti lejn il-Libja. Dan sar l-għada tal-Għid. Hu kien qal ukoll li ilu jagħmel dan ix-xogħol għall-Gvern fl-aħħar tliet snin, meta hu kien jaħdem f’Kastilja taħt il-Prim Ministru Joseph Muscat.