Il-PM tal-Awstralja tisma’ r-reazzjoni tal-Maltin wara li tnaqqsilhom ix-xandir bil-Malti

Ikomplu r-reazzjonijiet u d-diskussjonijiet wara li l-istazzjon Awstraljan SBS naqqas ix-xandir bil-Malti minn disa’ siegħat għal sagħtejn fil-ġimgħa u neħħa l-impjieg lil tliet xandara.

Membru mill-Kamra tar-Rappreżentanti għal Greenway, Michelle Rowland, u l-President tal-Maltese Welfare Association ta’ New South Wales , Lawrence Dimech iddiskutew mal-Prim Ministru Julia Gillard it-tnaqqis li l-istazzjon SBS għamel fl-ammont ta’ programmi bil-Malti u l-ammont ta’ Maltin li jaħdmu mal-istazzjon.

Kelliema għal din il-kumpanija qalet li ħafna aktar popli qed jagħżlu li jemigraw lejn l-Awstralja, u l-istazzjon ried ilaħħaq mal-lingwi kollha. Kien għalhekk li naqsu l-programmi bil-Malti.

Il-politikanta Awstraljana Michelle Rowland stqarret li kienet ħaġa pożittiva li l-Prim Ministru semgħat b’mod dirett it-tħassib serju tal-komunità Maltija. Qalet li hi stess kitbet lill-Prim Ministru fuq din il-biċċa, għaliex tifhem kemm ix-xandir bil-Malti huwa għal qalb il-komunità li tirrapreżenta. Qalet li assulutament ma taqbilx mad-deċiżjoni tal-SBS, għax il-Maltin jiddependu biss fuq is-servizz ta’ dan l-istazzjon għal programmi bil-lingwa tagħhom.

Żiedet tgħid li huwa importanti ferm li persuni Maltin imdaħħla fl-età ma jiċċaħdux minn dan it-tip ta’ servizz, għaliex b’hekk iżommu ruħhom aġġornati dwar dak li qed jiġri f’art twelidhom.

Michelle Rowland qalet li qed tistenna risposta mill-Prim Ministru.