Il-PM ta’ New Zealand tħabbar li se tagħlaq il-fruntieri

REUTERS/Martin Hunter

Read in English.

Il-Prim Ministru ta’ New Zealand, Jacinda Ardern ħabbret li minn nofsillejl il-Ħamis, se tkun qed tagħlaq il-fruntieri tal-pajjiż. Dan bil-għan li ma jkomplix jinfirex il-coronavirus fil-pajjiż.

Hi qalet dan waqt konferenza tal-aħbarijiet fejn spjegat ukoll li ċ-ċittadini u r-residenti permanenti tal-pajjiż xorta jistgħu jirritornaw. Qalet madanakollu dawn għandhom għażliet limitati hekk kif diversi kumpaniji tal-ajru qed jikkanċellaw it-titjiriet tagħhom.

“Mhux lesta nittollera riskju lill-fruntieri tal-pajjiż,” qalet Ardern. Qalet li din id-deċiżjoni se tkun qed twaqqaf it-turisti jew persuni li għandhom visa temporanja bħal studenti jew persuni b’permess ta’ xogħol temporanju fil-pajjiż milli jidħlu.

Sa issa, fi New Zealand hemm ikkonfermati 28 każ tal-coronavirus iżda ma ġiet reġistrata l-ebda mewta. Intant, globalment hawn reġistrati aktar minn 200,000 persuna li huma infettati bil-virus filwaqt li mietu kważi 8,000 persuna.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn