Il-PM Slovakk joffri €1m mifruxa ħdejh għal min jaf xi ħaġa

Il-Prim Ministru Slovakk, Robert Fico, offra €1 miljun għal kull min jersaq lejn l-awtoritajiet b’informazzjoni dwar il-qtil tal-ġurnalist investigattiv Jan Kuciak.
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet li fiha ħabbar din is-somma, il-PM kien qiegħed bilwieqfa ħdejn mejda mimlijka flus, apparentament il-miljun ewro mwiegħda.
Sadanittant, kollega tal-ġurnalist qal li hu jemmen li l-assassinju wettqitu l-mafja Taljana, u dan għax, fost l-oħrajn, l-aħħar artiklu li Kuciak kiteb kien dwar l-involviment tal-mafja Taljana fil-korruzzjoni politika fl-Islovakkja.
Fil-fatt ġie rrappurtat li l-kollegi tal-post fejn kien jaħdem, Aktuality.sk, qalu lill-awtoritajiet li m’għandhom għalfejn iħarsu mkien aktar ħlief lejn dan l-artiklu tiegħu.
F’dan l-artiklu, li kien għadu mhux iffinalizzat, Kuciak jikteb li negozjanti mil-Lvant tal-Islovakkja jinsabu f’konfoffa mal-mafja Taljana ta’ Kalabrija, magħrufa bħala 'Ndrangheta, biex ibagħbsu minn fondi Ewropej.
Kuciak jallega li dawn għandhom rabtiet politiċi fil-pajjiż, fosthom ta’ persuni fl-istess partit tal-PM Slovakk.
Bħalissa fil-pajjiż hemm spekulazzjoni mżiegħda mill-istampa dwar il-motiv tal-assassinju.
Kuciak, ta 27 sena, instab mejjet f’daru mat-tfajla tiegħu Martina Kusnirova, b’tiri ta’ pistola, u madwarhom instabu xi munizzjon, biex bħallikieku jitwassal messaġġ.