Il-PM seta’ jqabbad ditta Ingliża tikteb ittra f’ismu – Hyzler

Il-Prim Ministru ma kisirx l-etika meta qabbad ditta legali Ingliża biex tibgħat ittra legali f’isem il-gvern. Dan ħareġ mill-konklużjoni ta’ rapport maħruġ mill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika Dr George Hyzler.

Dan ir-rapport ħareġ wara l-pubblikazzjoni ta’ ktieb bl-isem ta’ Murder on the Malta Express, li jitkellem dwar iċ-ċirkostanzi marbuta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Qabel il-pubblikazzjoni tal-ktieb, Manuel Delia kien bagħat ittri f’ismu u f’isem ġurnalisti internazzjonali b’numru ta’ mistoqsijiet għall-Prim Ministru Joseph Muscat, martu Michelle Muscat, il-Ministri Konrad Mizzi u Chris Cardona u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri. Il-Gvern qabbad id-ditta legali Ingliża Carter-Ruck biex twieġeb dawn l-ittri f’isem il-Gvern.

Wara dan, l-Avukat Andrew Borg Cardona bagħat ilment lill-Kummissarju għall-Istandards. Hu allega li l-ingaġġ tad-ditta Carter-Ruck kien forma ta’ użu ħażin ta’ fondi pubbliċi għax kien se jkun qed jirrispondi għal nuqqasijiet ta’ individwi fosthom il-mara tal-Prim Ministru, li ma tagħmilx parti mill-Gvern. Qal ukoll li dan l-aġir kien maħsub sabiex ibeżża’ lill-awturi tal-ktieb bil-possibilità li jaffaċċjaw proċeduri legali f’Londra.

Fir-rapport, il-Kummissarju kkonkluda li d-deċiżjoni tal-Prim Ministru li jqabbad ditta legali barranija għan-nom tal-gvern, kienet taqa’ fid-deskrizzjoni leġittima tiegħu għax il-gvern kellu interess ġenwin fil-każ. Dan hekk kif l-allegazzjonijiet li saru fl-ittri kellhom impatt negattiv dirett fuq ir-reputazzjoni tal-gvern u tal-pajjiż.

Intant qal li filwaqt li huwa minnu li l-ittra legali mibgħuta minn Carter-Ruck inkludiet dikjarazzjoni ta’ riżerva tad-drittijiet tal-individwi konċernati, dan ma jammontax għal użu ħażin ta’ riżorsi pubbliċi. Qal ukoll li l-ittra ma kinitx waħda li titqies li tbeżża’ lill-awturi tal-ktieb u b’hekk toħonqilhom id-dritt ta’ espressjoni ħielsa.

Il-Kummissarju kompla jgħid li jekk l-individwi indirizzati fl-ittra ta’ Delia kellhom jaslu biex jifħu kawża bil-għan li jirbħu d-danni għall-benefiċċju tagħhom stess, għandhom iħallsu spejjeż huma. Qal li l-Gvern taħt l-ebda ċirkostanzi m’għandu jħallas jew jidher li qed iħallas l-ispejjeż ta’ kawża għall-benefiċċju ta’ xi individwu.

“Dmir tal-PM li jiddefendi l-interessi tal-Gvern”

Intant, f’reazzjoni għall-konklużjonijiet, il-Gvern sostna li skont il-Kummissarju huwa dmir tal-Prim Ministru li jiddefendi l-interessi tal-Gvern u huwa mistenni li jagħmel dan bl-aħjar mod possibbli. Il-Gvern laqa’ b’sodisfazzjoni ir-rapport u sostna li l-Uffiċċju tal-Prim Ministru se jibqa’ kommess li jiddefendi l-interess nazzjonali.

Iċ-ċirkostanzi marbuta mal-qtil ta’ Daphne
Timeline of a Maltese tragedy