Il-PM se jħabbar aktar tnaqqis ta’ miżuri sat-Tnejn – Farrugia Portelli

Il-Prim Ministru Robert Abela se jkun qed iħabbar aktar tnaqqis ta’ miżuri dwar il-coronavirus sa nhar it-Tnejn li ġej.

Dan ġie żvelat mill-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli fuq Facebook.

“L-ewwel magna li se tinxtegħel hi dik ta’ turiżmu intern bejn il-Maltin u l-Għawdxin. Dan hekk kif sa nhar it-Tnejn li ġej il-Prim Ministru se jkun qed iħabbar liema huma dawk is-setturi fl-ekonomija li se jiftħu u bid-dati ta’ meta,” qalet Farrugia Portelli.

“Ħabbart li eżattament mat-timelines li se jħabbar il-Prim Ministru se nippubblikaw protokolli ċari għall-industrija fosthom kif se joperaw ir-ristoranti, lukandi u bajjiet fost l-oħrajn. Skattajna wkoll mekkaniżmu bilaterali ma’ 9 pajjiżi oħra biex flimkien niddiskutu r-realtajiet tal-ivvjaġġar u nesploraw possibilitajiet ta’ safe corridors bejn il-pajjiżi għal aktar ‘l quddiem,” żiedet tgħid il-Ministru.

Qalet li Malta qed titkellem ma’ pajjiżi bħal-Lussemburgu, in-Norveġja, is-Serbja, l-Islovakkja, l-Awstrija, ir-Repubblika Ċeka, il-Latvja, il-Litwanja u l-Iżrael.

F'webinar li ttella’ llum mill-Ministeru għat-Turiżmu, l-MTA u l-MHRA u li għalih kien hemm aktar minn 1,500 parteċipant…

Posted by Julia Farrugia Portelli on Friday, May 15, 2020

Qalet ukoll li llum sar webinar mill-Ministeru għat-Turiżmu, l-MTA u l-MHRA. Kien hemm aktar minn 1,500 parteċipant u tħabbar li “dan is-sajf se jkollna turiżmu.”

Aktar tard fi stqarrija l-Ministeru għat-Turiżmu qal li l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Johann Buttigieg laqa’ b’sodisfazzjon is-suċċess ta’ dan il-webinar, kif kienu wkoll ta’ suċċess il-korsijiet ta’ taħriġ li ġew imnedija bħal-lum ġimgħa, u li l-fond ta’ €5 miljuni ffukati għal dan it-taħriġ ittieħdu f’inqas minn erbat ijiem. Huwa qal li jinsab sodisfatt li qed jara s-settur tat-turiżmu jirrispondi b’mod pożittiv għal dak li qed jiġi mħejji għalih.

Min-naħa tiegħu, il-President tal-MHRA Tony Zahra qal li jinsab sodisfatt meta jara li jidher li nistgħu ngħidu li se jkun hemm is-sajf din is-sena fejn tidħol l-industrija.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn