Filmat: Il-PM iħabbar €2 biljun f’miżuri għan-negozji

Aġġornat 06:51 AM

Il-Prim Ministru Robert Abela f’konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja. Il-PM qal li l-miżuri għan-negozji fiċ-ċirkostanza tal-imxija tal-cornoavirus huma kollha kemm huma studjati u kemm se jiswew. Qal li l-għan ewlieni tal-Gvern huwa dak li ma jintilfux impjiegi.

Il-Prim Ministru qal li huwa jara d-dawl f’din iċ-ċirkostanza u qal li jinsab pożittiv filwaqt li appella għall-kooperazzjoni ta’ kulħadd.

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna ħabbar il-miżuri fid-dettall billi qal li Malta tista’ taffordja iktar minn pajjiżi oħra u żgur li l-pakkett offrut jaqbeż il-medja tal-pajjiżi fl-UE.

Miżuri Prinċipali

  • Il-miżuri se jiswew €1.81 biljun
  • €210 f’injezzjoni diretta (1.5% tal-Prodott Gross Domestiku): spejjeż addizjonali tal-Gvern li ma tniżżlux fil-Baġit 2020, fosthom fis-settur tas-saħħa.
  • €350 għal kull impjegat li se jkun fuq Leave ta’ kwarantina. Dawn se jingħataw lil min iħaddem talli ħallsu għal dan il-Leave.
  • Il-posponiment tat-taxxi se jiswew lill-Gvern €400-€700 miljun fiż-żmien immedjat sakemm jerġa’ jiġborhom fil-futur.
  • €150 miljun f’garanziji bankarji
  • €750 miljun f’soft loans
  • Il-Banek jistgħu jaċċettaw talbiet għal loans bi 3 tliet xhur moratorium.

Il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri qal li minħabba li ċ-ċirkostanza qed tolqot lill-kulħadd, il-Gvern se jkun qed jagħmel il-parti tiegħu. Huwa rringrazzja lill-imsieħba soċjali tal-kooperazzjoni li kellhom bejniethom.

DOI Kevin Abela

Miżuri oħra

  • Xahrejn Leave żejda biex persuna waħda mill-ġenituri tkun tista’ toqgħod mat-tfal. Il-Ministru qal li mat-12,000 familja li jistgħu jiġu affettwarti u se tiswa €800 fix-xahar għal kull familja.
  • Jumejn minn ħames ijiem xogħol li se jkunu kkapjati fuq paga ta’ €800 fix-xahar għall-impjegati li l-industrija tagħhom kellha tagħlaq minħabba s-saħħa pubblika.
  • Miżuri għas-Self-Employed: Jekk ix-xogħol naqas b’iktar minn 25%, il-Gvern se jkopri pagi tal-ħaddiema. Din se tiswa €450,000 fil-ġimgħa.
  • Is-sussidji tal-Gvern għall-akkomodazzjoni se jiżdiedu għal dawk il-familji li persuna minnhom tkun spiċċat bla xogħol.
  • Għall-impjegati li spiċċaw bla xogħol mid-9 ta’ Marzu li għadda, se jkun hemm Unemployment Benefit speċjali ta’ €800 fix-xahar.
  • Kumpaniji mhux se jitħallew japplikaw għal ħaddiema minn pajjiżi terzi jekk ikunu keċċew xi ħaddiema.
  • Malta mhux se tibqa’ taċċetta applikazzjonijiet minn ħaddiema ġejjin minn pajjiżi terzi jekk mhux għal xogħlijiet li jirrikjedu ħaddiema b’ħiliet għolja.
  • JobsPlus se tkun qed tassisti lil dawk li jkunu tilfu xogħol kif ukoll lill-kumpaniji biex isibu ħaddiema bil-ħiliet li jkunu qed ifittxu.

Titjiriet ta’ ripatrijazzjoni

Fil-ħin ta’ mistoqsijiet tal-ġurnalisti, il-PM appella biex minn hu barra ‘l pajjiż jiġi lura kemm jista’ jkun malajr. Dwar ir-ripatrijazzjoni ta’ Maltin li jinsabu barra minn Malta, il-Prim Ministru reġa’ Qal li qed isir dak kollu possibbli biex jinġiebu l-Maltin lura u semma l-każ ta’ grupp li jinsab fl-Eġittu li l-Gvern qed jaħdem biex iġibhom lura.

Lockdown

Dwar il-lockdown, il-Prim Ministru qal li l-Gvern qed isegwi l-pariri tal-Awtoritajiet tas-Saħħa u reġa’ saħaq li f’dan il-mument qalulu li ma hemmx bżonnu għalissa.

Rati ta’ Imgħax

Il-Ministru Edward Scicluna qal li l-Gvern qed jistenna li r-rati tal-imgħax jinżlu hekk kif il-Gvern qed joffri garanziji għal-loans lill-kumpaniji u min iħaddem.

Roħs fiż-żejt

Il-Ministru Silvio Schembri qal li dan ma jfissirx li huwa l-aħħar pakkett b’miżuri ekonomiċi. Huwa qal dan meta mistoqsi dwar ir-roħs taż-żejt fejn qal li għalkemm jifhem il-piż tal-industrija, kulħadd għandu jerfa’ l-piż tiegħu.

Vaċin

Il-PM qal li sa issa jidher li l-vaċin kontra l-Covid-19 ikun lest fi żmien sena jew 18-il xahar.

Skejjel

Il-PM qal li diffiċli li tbassar kemm se jdumu magħluqin l-iskejjel. Qal li jaf ikun perjodu ta’ ġimgħat jew xhur sakemm l-awtoritajiet tas-saħħa jgħidu li jkun prudenti li jerġgħu jinfetħu l-iskejjel.

Għawdex

Il-PM qal li filwaqt li jifhem li Għawdex għandu sfidi partikolari, il-miżuri mħabbra llum jgħoddu kemm għall-Maltin u l-Għawdxin. Huwa faħħar il-ħidma tal-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija għaliex skontu qed tagħmel xogħol siewi.

Ġurnalisti

Il-Prim Ministru rringrazzja lill-ġurnalisti li qiegħdin jirrappurtaw b’mod għaqli dak kollu li qed jiġri. Saħaq li mhux żmien ta’ sensazzjonaliżmu biex il-poplu ma jkunx allarmat.

Parlament

Il-PM qal li l-Oppożizzjoni qed tinsistli li jieqaf ix-xogħol tal-Parlament. Huwa qal li ma jaqbilx ma’ dan anzi appella biex kulħadd jibqa’ jmur għax-xogħol. Stqarr li dan mhux mument ta’ festa u rrimarka li f’mument bħal dan hemm bżonn dixxiplina miegħu nnifsu biex jiġu osservati l-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa.

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna fil-Parlament illejla qal li f’din il-konferenza tal-aħbarijiet se jiġu mħabbra għadd ta’ miżuri. Id-deputat Nazzjonalista Herman Schiavone staqsa jekk il-Gvern hux se jieħu l-proposti tal-Oppożizzjoni bil-Ministru Scicluna jwieġeb li dawn se jitħabbru fil-konferenza tal-aħbarijiet. Min-naħa tiegħu, id-deputat Nazzjonalista Ryan Callus qal li huwa fid-dover tal-Gvern li jħabbar dan il-miżuri fil-Parlament iżda l-Ministru Scicluna insista li dan se jsir fil-konferenza tal-aħbarijiet li se ssir wara s-seduta parlamentari.

F’din il-konferenza tal-aħbarijiet intużaw biss il-cameras tal-istazzjon nazzjonali TVM hekk kif il-Gvern qed jillimita l-aċċess minħabba l-imxija tal-coronavirus.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn