Il-PM se jaħtar grupp tekniku għar-reviżjoni tal-liġijiet tal-kostruzzjoni

Miguela Xuereb

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li se jaħtar grupp tekniku biex jagħmel reviżjoni tal-liġijiet tal-kostruzzjoni.

Dan qalu fit-tweġiba tiegħu għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti dalgħodu wara business breakfast dwar il-produttività f’Malta. Abela qal li mhux se jkun qed jordna biex jieqaf ix-xogħol tal-kostruzzjoni f’Malta.

Abela qal li l-grupp se jkun qed jagħmel reviżjoni tar-regolamenti, tas-sistemi, u tal-prattiċi b’rabta mal-kostruzzjoni. Skont il-PM huwa ċar li xi ħaġa falliet.

Intant waqt l-indirizz tal-business breakfast f’San Ġiljan, organizzat mill-MCESD u l-Bord Nazzjonali tal-Produttività, il-Prim Ministru sostna li t-tkabbir ekonomiku ma jistax isir askapitu tal-ħajja umana. “

Il-Prim Ministru żied jgħid li dan l-episodju ma jistax jibqa’ għaddej bħala sempliċiment traġedja li ħalliet warajha familja mingħajr omm, jew raġel armel, iżda mara li mietet fil-kwiet ta’ darha.  Lil hinn mis-sentiment mimli dieqa tan-nies, il-poplu issa jixraqlu jkun jaf il-fatti ta’ dan il-każ u li ssir ġustizzja ma’ dawk responsabbli, sostna Dr Robert Abela.

Dr Abela tenna li niżbaljaw jekk noħonqu l-ekonomija u noħonqu l-ħolqien tax-xogħol. Għaldaqstant, fisser li l-progress ma jistax isir billi l-Maltin u l-Għawdxin jispiċċaw iħallu ħajjithom.

“Bżonn multi akbar”

Hemm bżonn multi akbar għall-iżviluppaturi u l-kuntratturi, skont in-Netwerk tas-Soċjetà Ċivili (CSN).

Fi stqarrija, is-CSN qal li hu rrabjat lejn il-kundizzjonijiet li fihom mietet Miriam Pace t-Tnejn li għadda fil-Ħamrun. Is-CSN qalet li qed toffri lista ta’ proposti li għandhom jiġu diskussi f’konsultazzjoni pubblika biex ma jerġax isir xi incident simili.