Il-PM Russu jiddeskrivi s-sanzjonijiet tal-Istati Uniti bħala “gwerra kummerċjali” kontra Moska

Il-Prim Ministru Russu Dmitry Medvedev iddeskriva s-sanzjonijiet il-ġodda, imposti fuq l-Istati Uniti, bħala dikjarazzjoni ta’ “gwerra kummerċjali”kontra Moska.
F’kummenti wara li tħabbru s-sanzjonijiet, Medvedew qal li l-miżuri juru l-inkompetenza ta’ Donald Trump, li fi kliemu kien umiljat mill-Kungress Amerikan u li kellu bilfors jiffirma.
Il-liġi li timponi dawn is-sanzjonijet kienet it-tweġiba tal-Amerka għall-allegazzjonijiet li r-Russja ndaħlet fl-elezzjoni presidenzjali tal-2016 fl-Istati Uniti u anke għall-azzjonijiet tar-Russi fil-kunflitt tal-Ukraina.
Donald Trump kien kontra dawn is-sanzjonijiet u anke akkuża lill-Kungress li qed jesaġera. Minkejja dan, Trump kellu jiffirma u japprova s-sanzjonijiet.
Mal-Att iffirmat, Trump hemeż dikjarazzjoni li tikkundanna dawn il-miżuri u jiddeskrivihom bħala “difettużi.”
L-istess leġiżlazzjoni timporni sanzjonijiet fuq l-Iran u l-Korea ta’ Fuq.
Il-Korea ta’ Fuq għadha ma tat l-ebda reazzjoni għal dan.