Read in English.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech akkuża lill-Prim Ministru Robert Abela li qed jitratta l-politika bħala ġlieda fil-bitħa tal-iskola.
Huwa qal li Abela jħaddan stil ta’ politika pwerili u dillantesk.
“In-nies huma mdejjqin b’dan l-istil ta’ politka. Irridu nikbru bil-mod kif inħaddmu l-politika. Fl-ewwel laqgħa tiegħi mal-Prim Ministru urejtu l-id ta’ ħbiberija iżda hu tratta l-materja politka bħala ġlieda fil-bitħa tal-iskola,” stqarr Grech.
Meta kien qed jitkellem f’kollegament telefoniku fuq l-istazzjon tar-radju tal-Partit Nazzjonalista Net FM, Grech qal li saret pressjoni kbira biex iċ-ċertifikat tat-taxxa li ngħata jiġi rtirat għax Abela kellu nteress li hu ma jirbaħx l-elezzjoni ta’ kap tal-partit Nazzjonalista.
Grech qal kliem bħala ‘Malta l-aqwa fid-dinja’ li jintużaw fil-politika huma paroli fil-vojt u jweġġa’ lin-nies li jinsabu f’diffikultà.
Hu stqarr li din is-sena “trid tkun is-sena tal-fidwa u mhux aktar is-sena tat-tama…fejn kulħadd jagħmel il-parti tiegħu biex jinfeda dan il-pajjiż.”