Il-PM irid li titlesta l-investigazzjoni qabel jaġixxi dwar Cutajar

Aġġornat 06:00 PM

Il-PM qed juri kemm hu dgħajjef – il-PN

Rosianne Cutajar Robert Abela

Read in English.

Il-Prim Ministru Robert Abela qed jinsisti li se jistenna l-konklużjoni tal-investigazzjoni tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika dwar l-aġir tas-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar – li għamiltha ta’ sensara meta Yorgen Fenech fittex li jixtri post l-Imdina s-sena l-oħra – qabel jieħu xi azzjoni kontriha.

Min-naħa tiegħu, il-Partit Nazzjonalista insista li Abela qed juri kemm hu dgħajjef meta jonqos milli jkeċċi lil Cutajar.

Ilbieraħ ġie żvelat li Cutajar kienet sensara f’biċċa negozju, biex Yorgen Fenech jixtri dar fl-Imdina mingħand Green Eyes Ltd. Skont ir-rapporti, Cutajar irċeviet aktar minn €46,000 fi flus kontanti li ma kinux inklużi fid-dikjarazzjoni tal-assi li kull deputat hu obbligat jagħmel.

Cutajar, li kienet għalliema fi skola sekondarja qabel ma bdiet il-karriera politika tagħha, insistiet li mxiet b’mod korrett kemm legali, kif ukoll etiku u politiku, iżda ma ċaħditx li rċeviet il-flus.

Abela ġie mistoqsi dwar il-każ mit-Times of Malta barra Kastilja, u insista li mhux se jaġixxi qabel il-Kummissarju George Hyzler ilesti l-investigazzjoni tiegħu.

‘Nuqqas gravi ta’ sens ta’ ġudizzju’ minn Cutajar                                                            

F’isem il-PN tkellem il-Kelliem għall-Governanza Tajba Karol Aquilina, li fakkar li i l-involviment ta’ Cutajar f’negozju multimiljunarju fl-interess ta’ persuna li kienet diġà magħrufa bħala sid il-kumpanija 17 Black, u allura b’rabta ma’ reati serji ta’ korruzzjoni u ħasil ta’ flus, juri kemm bħala politiku Rosianne Cutajar għandha nuqqas gravi ta’ sens ta’ ġudizzju u li għaliha l-flus u l-ħbiberija ma’ nies bħal Yorgen Fenech, jagħtuha d-dritt li taġixxi bla ebda mistħija u b’impunità sħiħa.

Fi kliem Aquilina, billi aktar minn 24 siegħa wara, Abela għadu ma keċċihiex, dan juri li dan kollu hu aċċettabbli għall-Prim Ministru Robert Abela li baqa’ s’issa ma lissen lanqas kelma waħda ta’ kundanna għall-aġir ta’ Cutajar.

Il-Partit Nazzjonalista fakkar li f’Mejju tal-2019 kien diġà magħruf li Yorgen Fenech huwa s-sid tal-kumpanija 17 Black u li din il-kumpanija kienet marbuta mal-kumpaniji Hearneville u Tillgate ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri. Apparti hekk, kien fatt magħruf li Fenech kien ħabib kbir ta’ Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi u li kien id-Direttur Maniġerjali tal-kumpanija li bniet il-powerstation tal-Electrogas.

Aquilina temm jgħid li bin-nuqqas t’azzjoni tiegħu, il-Prim Ministru qed jikkonferma l-fiduċja tiegħu f’Cutajar, li ma jara xejn ħażin fl-azzjonijiet u fl-imġiba tagħha.

Fl-aħħar nett, il-PN appella lill-PM biex ikeċċi lil Cutajar ħalli jibgħat messaġġ li aġir bħal tagħha hu inaċċettabbli.

Taħseb li Rosianne Cutajar għandha titkeċċa?

Ikkummenta hawn taħt jew ibagħtilna fuq info@newsbook.com.mt