Il-PM qed jinkwieta aktar fuq it-turiżmu milli fuq is-saħħa – MAM

Aġġornat 08:46 PM
Miguela Xuereb

Read in English.

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija qalet li l-Prim Ministru Robert Abela huwa aktar preokkupat fuq is-settur tat-turiżmu milli s-saħħa tan-nazzjon. Dan qalitu fi stqarrija qasira llum fejn innutat ukoll li l-Prim Ministru Robert Abela jidher li qed jibdel fehmtu dwar jekk għandhomx jidħlu fis-seħħ aktar miżuri biex titnaqqas il-firxa.

Il-MAM qalet li se tkun qed iżżomm il-pożizzjoni tagħha sakemm ikunu mħabbra aktar miżuri mill-Gvern aktar tard illum.

Propju llum, waqt li kien intervistat fuq il-midja tal-Partit Laburista, Abela appella biex ħadd ma jipprova juri firda fejn m’hemmx b’referenza għad-Deputat Prim Ministru Chris Fearne. Huwa ftaħar bil-fatt li llum il-Ħadd se jkun qed jiltaqa’ mal-Ministru Fearne u mas-Supretendent għas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci biex jiddiskutu s-sitwazzjoni tal-pandemija.

Ilbieraħ, il-MAM ħabbret li se tkun qed twaqqaf id-direttivi tagħha għal ġimgħa billi qiegħda tistenna li l-Gvern jieħu azzjoni deċiżiva. Qalet li huwa ta’ sfortuna li qegħda tara l-konsegwenzi kollha li wissiet dwarhom iseħħu.

Ilbieraħ ġew irreġistrati 72 każ ġdid tal-coronavirus, numru rekord ta’ każi f’jum wieħed. Intant illum ir-rata ta’ każi pożittivi ġodda li tħabbret kienet ta’ 63. Dan biex b’hekk issa fil-pajjiż hawn 534 każ attiv tal-coronavirus. Il-MAM issoktat tgħid li ma jistax ikun li f’epidemija jsiru parties, diskows, u n-nies imorru fil-klabbs, meta hemm nies morda ħafna fl-Isptar Mater Dei. Ikkundannat avvenimenti b’aktar minn 10 persuni bħala l-qofol tal-problema u tenniet li dawn għandhom jitwaqqfu immedjatament.

Il-MAM qed tappella lill-Gvern biex jagħraf l-iżbalji tiegħu u issa jimxi mal-pariri tal-esperti fis-saħħa pubblika, u jimxi fuq l-evidenza xjentifika. Biex jiġi evitat lockdown, irid ikun hemm tbegħid soċjali strett u lbies tal-maskri bi nfurzar strett ħafna, idealment b’multi maħruġin mill-Pulizija dak il-ħin stess, temmet tgħid il-MAM. Hija kkonkludiet li l-azzjonijiet tal-Gvern għandhom ikunu bbażati fuq l-esperjenza ta’ suċċess tal-perjodu bejn Marzu u Mejju meta l-Maltin urew dixxiplina kbira.

Illum il-MAM għamlet referenza wkoll għar-referenza li ħa l-Ministeru għas-Saħħa Ġermaniż wara li turisti Ġermaniżi siefru lejn Spanja għal vaganza fejn attendew għal xi parties. Il-Gvern Ġermaniż qal li vaganzi għall-parties huma rresponsabbli f’perjodu tal-pandemija. Dawn it-turisti issa spiċċaw fi kwarantina.

“It-tieni mewġa mhux tort tal-MHRA”

Min-naħa tagħha, l-Assoċjazzjoni għal-Lukandi u r-Ristornati (MHRA) qalet li l-assoċjazzjoni u l-President tagħha Tony Zahra m’għandhomx tort għat-tieni mewġa. Il-Kunsill tal-MHRA, li hu magħmul minn 15-il membru li jirrappreżentaw il-lukandi u r-ristoranti fil-pajjiż iddiskutew kull deċiżjoni ta’ lobbying li ttieħdet u li mbagħad kienet ikkomunikata mill-President l-istqarrijiet tal-MHRA. Sostniet li Zahra għandu l-appoġġ tal-Kunsill tal-Assoċjazzjoni. Kompliet billi qalet li Zahra m’għandu l-ebda sehem jew investiment dirett f’xi restorant jew lukanda lokali u b’hekk m’għandu l-ebda dħul jew benefiċċju dirett li ġej mill-industrija.

L-MHRA qalet li l-industrija tat-turiżmu timpjega 10,000 persuna b’mod dirett u 10,000 persuna oħra b’mod indirett. Qalet li hija responsabbli li tiġġenera €2.1 biljun fis-sena fl-ekenomija b’effett kbir fuq l-ekonomija. “Meta l-MHRA tiġġieled għat-turiżmu, tkun qed tiġġieled biex tassigura li x-xogħlijiet fl-industrija jinżammu u li l-ekonomija tkompli tikber.”

L-MHRA kompliet billi għamlet dawn il-punti:

  • L-MHRA dejjem ħadmet biex tara li l-industrija tat-turiżmu tissaħħaħ u se tkompli tagħmel dan b’mod ħolistiku.
  • L-MHRA ssapportjat lill-Gvern fid-deċiżjoni li l-pajjiż imu għal lockdown u jingħalaq l-ajruport meta kien hawn inċertezza fuq il-perikolu reali li għandu l-coronavirus fuq ħajjet in-nies.
  • Meta ħarġet aktar informazzjoni dwar il-virus minn esperti tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa u l-Unjoni Ewropea u ħareġ li kien sigur li t-turiżmu jerġa’ jiftaħ, l-MHRA ħadmet biex dan isir f’Malta wkoll kemm jista’ jkun malajr.
  • Qalet li l-MHRA dejjem ħadmet biex l-industrija tagħmel użu mill-aħjar protokolli, inkluż fl-ajruport u l-istabbilimenti kollha membri tagħha.
  • Qalet li fl-ebda punt ma’ tkellmet favur avvenimenti tal-massa u ma għamlet l-ebda tip ta’ pressjoni biex avvenimenti tat-tip ikunu permessi.
  • Innuntat li wħud mill-clusters tal-każi pożittivi fil-maġġorparti tagħhom irriżultaw minn avvenimenti lokali u mhux minn każi relatati mat-turiżmu. B’hekk insistiet li ż-żieda fil-każi preżenti mhux ġejja mill-ftuħ tal-ajruport jew mill-grupp żgħir ta’ turisti li qed iżuru l-gżira.
  • Insistiet li hi mhix il-Gvern. L-MHRA hija lobby group li jagħmel suġġerimenti lill-gvern u jikkontribwixxi fit-tkabbir tal-industrija tat-turiżmu. L-Assoċjazzjoni m’għandha l-ebda poter li tieħu deċiżjonijiet f’isem il-Gvern.

L-MHRA kompliet tgħid li l-coronavirus jinxtered meta l-protokolli tad-distanza soċjali ma jkunux osservati. “Huwa ċar li meta wieħed jimxi madwar il-gżira u jara posts differenti minn individwi fuq il-midja soċjali, ħafna persuni għadhom qed jitrattaw id-distanza soċjali bħala xi ħaġa trivjali,” insistiet l-MHRA.

“Malta kellha ġimgħa rekord” – MAPHM

L-Assoċjazzjoni Medika għas-Saħħa Pubblika (MAPHM) qalet li din il-ġimgħa, Malta għaddiet minn ġimgħa rekord. Permezz ta’ blogg fuq is-sit tagħha, l-assoċjazzjoni qalet li l-pajjiż mar mill-aktar pajjiż li rrisponda b’mod effettiv għall-pandemija, għal wieħed mill-aktar pajjiżi milquta ħażin minn mewġa ta’ każi ġodda. “Din il-ġimgħa Malta rreġistrat l-akbar rata ta’ każi ġodda per capita fl-Unjoni Ewropea kollha,” qalet l-assoċjazzjoni.

Sostniet li dan ifisser li Malta bħalissa tinsab fl-ogħla riskju li wieħed jispiċċa infettat fl-njoni Ewropea. Qalet ukoll li Malta issa spiċċat ukoll fil-lista tal-10 pajjiż l-aktar milquta madwar id-dinja. Sostniet li fl-istess waqt, il-mexxejja tal-pajjiż qed jaġixxu bħal li kieku m’hemmx fuq xiex jinkwetaw. Intant, il-frontliners u l-voluntiera jinsabu mfarrka bix-xogħol, stressjati jaħdmu fi sħana qawwija, matul il-weekend, bil-lejl, ‘il bogħod mill-familji tagħhom, inkwetati għax ħadd ma jrid jisma’.

Irrimarkat li riżultat tal-għadd ta’ każi ġodda li qed jitfaċċaw fil-pajjiż, fil-ġimgħat li ġejjin se jkun hemm aktar persuni li se jispiċċaw fi sptarijiet, persuni li se jimirdu kritikalment u aktar imwiet. “Dan kollu grazzi għall-esperiment fallut biex tkun stimulata l-ekonomija bit-turisti u l-parties li l-pariri stas-saħħa pubblika dejjem kienu kontrihom. Irrimarkat li l-perjodu ta’ tliet ġimgħat bejn kull tranżizzjoni ma kienx segwit u l-pajjiż ma reġax lura għal tranżizzjonijiet preċedenti meta rriżulta li l-każi reġgħu bdew jinfirxu. “Il-Prim Ministru jista’ jgħid li jrid dwar kif segwa l-pariri tas-saħħa pubblika, imma meta wieħed joqgħod jagħżel iċ-ċirasa, ma jgħoddx,” insistiet l-assoċjazzjoni. Jekk irid juri biċ-ċar li l-pariri tas-saħħa pubblika kienu segwiti mela għandu jħalli li l-istrateġija tat-tranżizzjoni u r-risk assessment ikunu ppubblikati taħt FOI li saret xhur twal ilu.

“Ikunu xi jkunu l-miżuri li se jiġu mħabbra llum, ninsabu tliet ġimgħat tard. Li kieku għamilna aktar qabel, ma konnhiex naslu f’dan l-istadju,” insistiet l-Assoċjazzjoni.

“B’mod immedjat irridu niddkjaraw emerġenza tas-saħħa pubblika. Irridu nwaqqfu avvenimenti ta’ 10 persuni u aktar, jingħalqu l-bars, clubs u parties, jkun hemm infurzar strett għad-distanza soċjali u l-użu tal-maskri u jkun introdott il-perjodu ta’ kwarantina u testing għal dawk kollha li jivjaġġaw lejn Malta. Dawn huma l-pariri li qed tagħti s-saħħa pubblika lill-mexxejja tagħna, deċiżjonijiet inqas mhux biżżejjed,” sostniet l-għaqda.

Insistiet li r-responsabbiltà hija tal-Prim Ministru, id-Deputat Prim Ministru u s-Superintendent għas-Saħħa Pubblika.