Panama Papers: “Il-Pakistan ta tagħlima lil Malta” – PN

​Il-Partit Nazzjonalista qal li pajjiż bħall-Pakistan spiċċa jagħti lezzjoni lil Malta dwar kif issir il-ġustizzja. Dan wara li l-Prim Ministru tal-Pakistan, Nawaz Sharif, irriżenja wara li l-Qorti Suprema tal-pajjiż qablet li għandu jwarrab minħabba allegazzjonijiet dwar involviment fil-Panama Papers.
L-investigazzjonijiet fil-Pakistan kienu bdew wara li l-awtoritajiet għokrithom għajnejhom dwar il-flus li kellhom membri tal-familja ta’ Sharif, partikularment uliedu li isimhom deher fil-Panama Papers.
Mindu nbdew l-allegazzjonijiet, Sharif dejjem ċaħad.
Il-verdett ġie deċiz minn ġurija magħmula minn ħames persuni, li qablu unanimament dwa x’għandu jagħmel Il-Prim Ministru Pakistani.
Sadanittant, kelliem għal Sharif qal li dan irriżenja mill-ewwel.
Skont rappoti internazzjonali, wieħed mill-imħallfin tal-Qorti Suprema nstema’ jgħid li Sharif m’għadux eliġibbli biex ikun membru onest mill-Parlament Pakistani.
Intant, anki l-Ministru għall-Intern aktar kmieni ta parir lil Sharif saiex jaċċetta l-verdett finali.
Barra milli akkużi kriminali kontra Sharif, hemm oħrajn għal bintu u żewġha u għall-Ministru tal-Finanzi, fost l-oħrajn.
Għalkemm għadu mhux ċar min se jieħu post Sharif, ħuh, li huwa wkoll il-Kap Ministru tal-provinċja ta’ Punġab, qed jissemma fost il-favoriti.
"Muscat ġabna agħar mill-Pakistan" – PN
B'reazzjoni għal dan li ġara fil-Pakistan, il-Partit Nazzjonalista qal fi stqarrija li filwaqt li fil-Pakistan il-PM kellu jirriżenja, f'Malta għandek PM li qed jaffaċċja akkużi serji b'involviment dirett fil-Panama Papers.
Sostna li f'Malta mhux biss il-klikka korrotta ma rriżenjatx, iżda qed tipprova tagħmel minn kollox biex ixxekkel l-investigazzjoni ta' dik li l-PN sejħilha "l-akbar skandlu politiku li qatt eżista".