Il-PM mistenni jħabbar pakkett ekonomiku biex isalva l-impjiegi

Robert Abela
DOI: Jeremy Wonnacott

Read in English.

Sorsi qrib il-Gvern indikaw li pakkett ekonomiku ġdid se jitħabbar mill-Gvern “b’mod imminenti”. Dan wara laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) li saret illum waranofsinhar, fid-dawl tas-sitwazzjoni li jinsab fiha l-pajjiż minħabba l-coronavirus.

Skont kummenti ta’ wħud mill-imsieħba indikaw li l-pakkett ekonomiku mistenni jkun ġeneruż biex jiġu salvagwardati l-impjiegi. Din qed titqies bħala mossa pożittiva wara r-reazzjoni negattiva għall-ewwel għajnuniet li ħabbar il-Gvern il-ġimgħa li għaddiet.

Tħassib ewlieni fost in-negozjanti kien li jekk il-gvern ma jintervjenix bl-aħjar mod, kien se jkun inevitabbli li jinżammu l-impjiegi. Saħqu kemm-il darba li l-Gvern hemm bżonn li jaqsam il-piż dwar il-pagi.

Il-Ministru għall-Finanzi f’laqgħa tal-ECOFIN dwar il-coronavirus

Intant, il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna lbieraħ ipparteċipa f’laqgħa tal-ECOFIN dwar l-istabbiltà u l-impatt ekonomiku tal-coronavirus. Prof. Scicluna enfasizza dwar il-bżonn li jiġi adottat approċċ flessibbli dwar kif il-miżuri proposti se japplikaw għall-istati membri biex jirriflettu r-realtajiet u l-bżonnijiet rispettivi.

Il-Ministru Scicluna talab lill-Kummissjoni Ewropea biex tipprepara pjan ta’ rkupru għall-istati membri, biex jipprovdu l-istimulu meħtieġ għat-tkabbir ekonomiku ladarba dan il-perjodu jiġi fi tmiemu.

Il-Gvern mhux qed jifhem is-sitwazzjoni tas-sidien tan-negozji – PN

Intant, Edwin Vassallo, il-kelliem tal-Oppożizzjoni dwar is-Self Employed u n-Negozji ż-Żgħar stqarr li qed jikber id-diżappunt ta’ ħafna self-employed u sidien ta’ negozji żgħar, li qed jintebħu li mhumiex eliġibbli għall-għajnuna tal-gvern.  Stqarr li l-Gvern mhux qed jifhem il-gravità tas-sitwazzjoni reali, fejn ħafna sidien ta’ negozji qed imorru għand il-banek biex jissellfu l-flus, ħalli jżommu lill-ħaddiema, u l-banek għadhom qed joffru s-self b’rata kummerċjali.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn