Il-PM mhux ħati ta’ ksur ta’ privileġġ; messu għażel kliemu aħjar – L-Ispeaker

MaltaGov

Il-Prim Ministru Robert Abela mhux ħati ta’ ksur ta’ privileġġ fil-konfront tad-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina però messu uża’ kliemu aħjar. Dan joħroġ minn ruling li ta l-Ispeaker Anġlu Farrugia llejla fil-Parlament.

Id-deputat Nazzjonalista kien qajjem każ ta’ privileġġ fl-aħħar seduta meta l-kamra tad-deputati kienet qed tiddiskuti l-pjan finanzjarju mniedi mill-Gvern biex jiġġenera l-ekonomija wara l-pandemija tal-Covid-19. 

Waqt l-intervent tiegħu, il-Prim Ministru talab il-protezzjoni tas-sede għal kumment off-microphone tad-deputat Aquilina. Hu stqarr li d-deputat Nazzjonalista kien qiegħed għat-tieni darba jpoġġi lilu u lill-kabinett kollu taħt inkjesta maġisterjali.

Kien hawn li Aqulina talab point of order, liema point of order ġie miċħud mill-Ispeaker.

Il-Prim Ministru għadda biex jgħid li “jidher li issa d-deputat Aquilina mhux qed ikompli jissekonda dak li qed jgħid dawk li jmur iħabbat magħhom.” L-ispeaker interpreta dan l-aħħar diskors tal-Prim Ministru bħala stqarrija li kien qed jirtira l-ewwel asserzjoni li għamel.

L-Ispeaker ikkwota żewġ rulings preċedenti, wieħed maħruġ mid-Deputat Speaker Ċensu Galea u l-ieħor minn Madam Speaker Miriam Spiteri Debono, fejn tal-aħħar kienet widdbet kontra l’hekk imsejjaħ bickering.

Farrugia stqarr li l-Prim Ministru messu għażel kliemu aħjar fil-konfront ta’ Aquilina.