Il-PM m’għandux jindaħal fl-inkjesta Daphne – PN

Sarah Cassar Dymond

Il-Partit Nazzjonalista qed jinsisti li l-Prim Ministru Robert Abela m’għandu l-ebda dritt jindaħal jew jikkontrolla l-inkjesta pubblika dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, u li l-kummenti tiegħu dwarha jikxfu kif ma jridx li l-verità kollha ssir magħrufa.

Fi stqarrija, id-deputat Karol Aquilina, il-kelliem tal-oppożizzjoni għall-governanza tajba, insista li l-pożizzjoni ta’ Abela – li l-inkjesta ma tingħatax il-ħin meħtieġ biex tagħmel xogħolha sew – “imur kontra t-termini ta’ referenza tal-istess inkjesta u turi insensittività kbira u diżrispett lejn il-familja tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.”

Fakkar li l-Gvern Laburista dam kważi sentejn jirreżisti milli ssir l-inkjesta, minkejja żewġ mozzjonijiet imressqa mill-Oppożizzjoni dwar is-suġġett, fl-2017 u fl-2018. B’hekk, Aquilina żied li l-PN jinsisti li l-inkjesta għandha tieħu l-ħin kollu meħtieġ mill-membri tal-bord.

“Prim Ministru serju u responsabbli kien minflok jipprova jindaħal u jiKkontrolla l-inkjesta pubblika, kien pubblikament iħeġġeġ lill-politiċi u persuni oħra f’karigi ta’ responsabbilità sabiex jersqu ‘il quddiem b’informazzjoni dwar kif l-istat Malti falla milli jipproteġi l-ħajja ta’ Daphne Caruana Galizia,” ikkonkluda Aquilina.

Min-naħa tiegħu il-Membru Parlamentari Ewropew David Casa ħabbar li għadu kif tkellem ma’ Věra Jourová, il-Kummissarju Ewropew fuq it-Trasparenza, dwar l-aħħar żviluppi f’Malta, kemm l-arrest ta’ Keith Schembri kif ukoll l-indħil ta’ Abela fl-inkjesta dwar Daphne.                                                                 

“L-istituzzjonijiet tagħna ilhom wisq maħtufa issa. M’aħniex se nittolleraw li din l-inkjesta tiġi mminata,” insista Casa.

Ir-rapporteur tal-Kunsill tal-Ewropa fuq il-qtil ta’ Caruana Galizia u fuq is-saltna tad-dritt f’Malta, Pieter Omtzigt, ukoll wissa li l-Gvern m’għandux jindaħal fl-inkjesta. Qal li l-kapitlu ma jistax jitqies magħluq jekk l-inkjesta ma tagħmilx xogħolha.