“Il-PM m’għandu l-ebda triq oħra ħlief li jkeċċi lil Ian Borg” – PN

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami qal li meta l-Ministru għall-Ġustizzja jippreżenta r-rapporti tal-Kummissjoni kontra l-Korruzzjoni u tal-Ombudsman fil-Parlament, il-Prim Ministru Joseph Muscat irid jgħaddi mill-kliem għall-fatti u jkeċċi lis-Segretarju Parlamentari Ian Borg.
Huwa għamel referenza għall-messaġġ tal-Prim Ministru għall-Ewwel tas-Sena li se jiġġieled il-korruzzjoni u qal li issa wasal dan iż-żmien li jiġġieled il-korruzzjoni u l-abbuż.
Qal li min-naħa tiegħu, Ian Borg għandu jerfa’ r-responsabbilità politika u jirtira mill-Kabinett.
Beppe Fenech Adami qal li Joseph Muscat qed juri li huwa dgħajjef ma’ Ian Borg, Michael Falzon u Ray Zammit.
Matul il-konferenza tal-aħbarijiet tkellem ukoll il-kelliem tal-Oppożizzjoni Ryan Callus li enfasizza kif iż-żewġ rapporti jikkundannaw l-aġir ta’ Ian Borg u saħaq li l-MEPA għandha tirtira il-permess għall-iżvilupp u tassigura li x-xogħol tal-kostruzzjoni jieqaf.
Ryan Callus qal s-Segretarju Parlamentari jidher li uża l-poter tiegħu biex jingħata xi ħaġa li m’għandux dritt għaliha u li f’dan il-każ kien permess għall-bini ta’ farmhouse f’Wied Santa Katarina fir-Rabat.

Reazzjoni PL
Il-Partit Laburista fi stqarrija qal li l-Oppożizzjoni qed tkompli tingana fuq is-Segretarju Parlamentari Ian Borg, meta l-Kummissjoni kontra l-Korruzzjoni titkellem b’mod ċar ħafna li ma kien hemm l-ebda llegalità fil-każ tal-permess tar-residenza.