Il-PM: Malta qed issir hub tal-enerġija

Waqt forum ta’ negozju bejn l-Alġerija u Malta, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li Malta qed tiżviluppa f’hub tas-servizzi tal-enerġija.
Dr Muscat kien qed jindirizza l-forum li għalih attendew iktar minn 350 persuna li jirrappreżentaw negozji Alġerini u Maltin. Hu saħaq li minkejja li Malta u l-Alġerija huma żewġ pajjiżi differenti, xorta waħda jistgħu jikkumplimentaw lil xulxin.
Fid-diskors tiegħu l-Prim Ministru qal li jemmen li “iż-żewġ pajjiżi jistgħu jibnu relazzjonijiet mill-aqwa mingħajr biżgħat. Bil-maqlub anzi, nistgħu nħarsu lejn il-futur b’ottimiżmu realistiku.” Sostna li l-ewwel li hemm bżonn biex jissaħħu r-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi hu li jissaħħu r-relazzjonijiet bejn il-popli.
Dr Muscat qal ukoll li Malta qed tistabbilixxi ruħha bħala ċentru ta’ edukazzjoni u taħriġ, ta’ mediċina u kirurġija u ta’ informatika u komunikazzjoni, fost oħrajn.
Saħaq li Malta hi wkoll stabbilita u regolata sew bħala hub għas-servizzi finanzjarji, marittimi u loġistika tal-avjazzjoni kif ukoll reġistrazzjoni ta’ vapuri u ajruplani.
 
Ritratt: DOI – Clifton Fenech