“Il-PM ma qal xejn libelluż dwar Toni Bezzina” – il-Qorti

Il-Qorti ddeċidiet li teħles lill-Prim Ministru Joseph Muscat mill-akkużi li għadda kummenti foloz u defamatorji fil-konfront tad-deputat Nazzjonalista Anthony Bezzina, meta qal fil-pubbliku li Bezzina kien qed iġiegħel ħaddiema tal-Gvern jiffirmaw dikjarazzjoni falza.

Bezzina kien ħarrek lill-Prim Ministru lura fl-2015, wara diskors li kien għamel fil-każin tal-Partit Laburista fiż-Żurrieq. Huwa kien allega li Bezzina kien qed iġiegħel ħaddiema tal-Gvern fid-dipartiment tax-xogħol pubbliku sabiex jiffirmaw dikjarazzjoni li tgħid li huma ma kienux intużaw sabiex jagħmlu xi xogħol fil-każin tal-Partit Nazzjonalista taż-Żurrieq fil-ħin tax-xogħol tagħhom lura fl-2012.

Dak iż-żmien, Bezzina kien impjegat bħala arkitett mill-istess dipartiment, filwaqt li kien President tal-kumitat sezzjonali tal-Partit Nazzjonalista fiż-Żurrieq. Fl-istess żmien ħareġ li l-każin kellu bżonn jiġi miżbugħ qabel l-elezzjonijiet tal-Kunsill Lokali tal-2012. Kien hawn meta Bezzina staqsa lill-foreman tad-dipartiment sabiex isiblu min jista jagħmel dan ix-xogħol, wara l-ħin tax-xogħol.

Ix-xogħol sar minn materjal li pprovda hu, u dam għaddej għal tlett ijiem bix-xogħol isir wara nofsinhar. Il-ħaddiema kienu rrifjutaw li jitħallsu.

Il-gazzetta Kulħadd kienet ħarġet storja li tgħid li x-xogħlijiet saru fil-ħin tax-xogħol u kien hawn li Bezzina kien intalab jipprovdi spjegazzjoni. Huwa talab lit-tliet ħaddiema sabiex imorru fl-uffiċċju tiegħu u jiffirmaw dikjarazzjoni li x-xogħol kien sar wara l-ħin tax-xogħol.

Il-problema dwar l-iffirmar kienet li waħda mill-klawżoli kienet tgħid li huma għamlu dan ix-xogħol minn jheddhom, madanakollu ħaddiem minnhom ma qabilx għax sostna li hu kien intalab jagħmel dan ix-xogħol.

Hu spjega li qatt ma kien ħa ġurament fuq id-dikjarazzjoni u spiċċa ffirma xorta wara li kien hemm pressa fuqu biex jagħmel dan. L-irġiel l-oħra taw spjegazzjonijiet simili.

Wara li ffirmaw id-dikjarazzjoni, tnejn mill-ħaddiema marru jagħmlu affidavit fejn insistew li huma ma għamlux ix-xogħol b’mod volontarju u kienu qed isegwu struzzjonijiet mill-foreman.

Wara bord ta’ inkjesta kien ħareġ ukoll li l-irġiel kienu jibżgħu mis-superjuri tagħhom u kienu qed iħossuhom sfurzati jiffirmaw id-dikjarazzjoni.

Il-Maġistrat Francesco Depasquale iddeċieda kontra l-każ ta’ libell u nnota li l-Prim Ministru kien fi dmir li jiddiskuti u jiżvela aġir inkwetanti minn uffiċjali eletti.

“Se nappella din is-sentenza” – Toni Bezzina

Fi stqarrija mibgħuta mill-Partit Nazzjonalista, Bezzina irrimarka li se jkun qed jappella s-sentenza.

Fl-istess waqt staqsa kif qed jiġi trattat il-każ tal-Ministru Carmelo Abela, li semma kif fid-dar tiegħu saru xogħlijiet minn ħaddiema tal-Gvern u allegatament saru waqt ħin tax-xogħol.

Staqsa jekk kien hemm xi reazzjoni għal dan u jekk il-ħaddiema intalbux imorru l-Kwartieri Ġenerali tal-Partit Laburista biex jagħmlu xi dikjarazzjoni.

“Delia għandu jgħid x’se jagħmel b’Toni Bezzina” – PL

Il-Partit Laburista sostna li s-sentenza f’kawża ta’ libell mid-deputat Bezzina kontra l-Prim Ministru tpoġġi piż kbir fuq il-Kap tal-Pn, Adrian Delia u għaldaqstant isostnu li għandu jgħid x’se jagħmel bih.

Sostnew li l-aġir ta’ Bezzina ilu magħruf u rrimarkaw li din mhux l-ewwel kawża ta’ libell li tilef b’rabta ma’ dan il-każ.

Fi stqarrija oħra separata, il-Partit Laburista sostna li Delia qed jinjora l-ġustizzja li tant jitkellem dwarha hekk kif biħsiebu jżomm lil Bezzina fil-partit.