Il-PM jgħid li għadda mhux talab tagħrif dwar it-taxxa ta’ Bernard Grech

Aġġornat 09:09 PM

Dejjem imxejt b’mod legali u etiku – Marvin Gaerty, Kummissarju tat-Taxxi

Robert Abela
Miguela Xuereb

Wara li ma weġibx il-mistoqsijiet li l-ġurnal Times of Malta għamlitlu s-Sibt li għadda, it-Tnejn filgħaxija l-Prim Ministru Robert Abela qal li hu ma talabx informazzjoni dwar il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech lill-Kummissarju tat-Taxxi Interni iżda kien hu li għadda l-informazzjomi li rċieva.

Huwa qal lill-Kummissarju tat-Taxxi Interni li kellu informazzjoni li Grech kellu kwistjoni mat-taxxa li kienet ilha s-snin u li din l-informazzjoni waslet għandu minn sors ġewwa l-Partit Nazzjonalista.

Grech jisfida lil PM jippubblika r-returns tiegħu tat-taxxa u tal-VAT

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li wara li l-Prim Ministru għamel jumejn jaħsiba t-Tnejn filgħaxija kkonferma li uża l-pożizzjoni tiegħu biex jipprova jinfluwenza l-elezzjoni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Żied li dan huwa abbuż ta’ poter. Grech qal dan f’reazzjoni fuq Facebook għal dak li qal iktar kmieni l-Prim Ministru Robert Abela.

Grech żied li la Abela għażel li jindaga fuq materji relatati miegħu se jisfidah biex jippubblika r-returns tiegħu tat-taxxa u tal-VAT. Kompla li jrid li Abela jiddikjara jekk qattx iddiskuta materji tat-taxxa u tal-VAT tiegħu mal-Kummissarju għat-Taxxi Interni sabiex b’hekk il-poplu Malti u Għawdxi jkun assigurat li hu ddikjara kollox u ħallas dak kollu dovut minnu.

Iktar Kmieni

Sat-Tnejn filgħodu Times of Malta kkonfermat ma’ Newsbook.com.mt li l-Prim Ministru Robert Abela kien għadu ma weġibx għall-mistoqsijiet tagħha dwar jekk kienx staqsa lill-Kummissarju tat-Taxxi dwar ir-returns tat-taxxa ta’ Bernard Grech, kap tal-Partit Nazzjonalista.

Newsbook.com.mt kien qed jara kienx hemm żviluppi wara li l-gazzetta The Sunday Times of Malta rrappurtat li kienet bagħtet mistoqsijiet lill-PM is-Sibt filgħodu. Il-gazzetta rrappurtat, fost ħwejjeġ oħra, li l-Pulizija kellhom il-mobile u l-laptop ta’ Marvin Gaerty iżda ma setgħux jaċċessaw l-informazzjoni wara li Gaerty qalilhom li biex jagħtihom il-password irid il-permess tal-Prim Ministru.

“Dejjem imxejt skont il-liġi” – Gaerty

Newsbook.com.mt ikkuntattja lil Gaerty it-Tnejn. Huwa ma kkummentax dwar jekk il-Prim Ministru kienx staqsieh informazzjoni dwar ir-returns tat-taxxa ta’ Bernard Grech. Madanakollu qal li tul il-karriera twila tiegħu fis-servizz pubbliku dejjem mexa b’mod etiku u legali.

“Jiena dejjem qdejt lin-nies li jħallsu t-taxxa skont il-parametri tal-liġi. Jien qatt ma aċċettajt li nagħmel xi ħaġa li tmur kontra r-regolamenti jew kontra l-liġi”, kompla jgħid.

Ir-returns tat-taxxa ta’ Bernard Grech kienu suġġett ta’ kontroversja waqt il-kampanja għall-elezzjoni ta’ Kap tal-PN. Xi ħadd kien għadda informazzjoni lil The Sunday Times of Malta u lil Malta Today li kienu rrappurtaw li tul is-snin Grech kellu problemi mat-taxxa. Dawn il-problemi kienu solvuti qabel l-elezzjoni ta’ Grech.

Il-Prim Ministru bejn ħaltejn

Sorsi legali li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li jekk irridu governanza tajba huwa ċar ħafna li l-Prim Ministru għandu jwieġeb għall-mistoqsijiet tat-Times of Malta. Żiedu jgħidu li jekk il-Prim Ministru kien staqsa lil Gaerty għall-informazzjoni msemmija fir-rapport allura ipperikola li kiser il-liġi, ħaġa li f’demokrazija twassal għar-riżenja tal-istess PM.

Wara li l-Pulizija interrogaw lil Gaerty fit-22 ta’ Diċembru huma staqsewh għall-password tal-mobile u l-laptop. Huwa qalilhom li skont il-liġi huwa ma setax jagħtihom il-password jekk ma jkunx awtorizzat mill-PM.

Is-sorsi tagħna qalulna li Gaerty għandu raġun. Skont The Sunday Times of Malta sorsi qrib il-PM qalulhom li Abela qed jiżen ir-raġunijiet favur u kontra li jagħti dan il-permess.

Is-sorsi legali tagħna qalulna li l-Pulizija ma għandhomx għalfejn jistennew lill-PM għax huma jistgħu jitolbu lill-maġistrat inkwirenti biex jawtorizza l-aċċess għall-mobile u l-laptop. Il-maġistrat jista’ wkoll jeħles lil dak li jkun mill-obbligi tas-sigriet professjonali.

Intant, fi stqarrija maħruġa wara nofsinhar, il-Pulizija kkonfermat li “mhux minnu li l-Pulizija teħtieġ xi awtorizzazzjoni mill-Prim Ministru biex tikseb jew tanalizza mobile phone u apparat teknoloġiku ieħor. L-investigazzjoni tal-Pulizija li ssir referenza għaliha f’dan ir-rapport (tas-Sunday Times) ilha miexja bla tfixkil, anke bis-sehem ta’ maġistrat inkwirenti.”

Il-Prim Ministru qiegħed f’sitwazzjoni diffiċli, qalulna l-esperti legali li tkellimna magħhom. Jekk huwa ma jagħtix permess lil Gaerty allura jista’ jidher li għandu x’jaħbi. Imma jekk jagħti l-permess ifisser li jkun jagħti aċċess għall-eluf ta’ emails u messaġġi ma’ kull xorta ta’ nies inkluż nies fin-negozju u fil-politika. “Anke jekk dawn il-messaġġi ma jkunux dwar affarijiet illegali żgur li jkunu jistgħu jimbarazzaw ħafna nies li jkunu talbu xi pjaċir”, komplew jgħidu.

L-istituzzjonijiet mhux qed jaħdmu – Grech

Skont ir-rapporti li kien hemm fil-media, Abela ma tkellimx dwar dan is-suġġett fil-kummenti tiegħu l-Ħadd. Għall-kuntrarju Grech ikkummenta kemm fuq Net FM u anke fuq Facebook. Huwa ħeġġeġ lill-Pulizija biex tagħmel xogħolha. Żied jgħid li dak li ġara juri li l-istituzzjonijiet fil-pajjiż mhux jaħdmu kif suppost. Qal ukoll li l-Prim Ministru mhux komdu li toħroġ ċerta informazzjoni.