Filmat: Il-PM ma jweġibx dwar it-tlestija tal-powerstation

Il-Prim Ministru Joseph Muscat żamm lura milli jagħti data ta' meta se tkun lesta l-powerstation il-ġdida ta' Delimara.
Madankollu qal li se jimxi mal-programm elettorali u se jkun lest sa sitt xhur oħra.
Filwaqt li ma weġibx għad-domanda tal-ġurnalisti, il-Prim Ministru żied jgħid li l-enerġija fil-pajjiż ma tiddependix biss fuq din il-powerstation.
Dr Muscat qal li sa sitt xhur oħra, il-kontijiet tad-dawl se jorħsu.
Waqt żjara fil-fabbrika ta’ De La Rue f’Bulebel, hu kien mistoqsi mill-ġurnalisti dwar jekk il-powerstation f’Delimara tkunx lesta sa Marzu.
Dan hekk kif fil-programm elettorali, il-powerstation kellha tkun lesta sas-sena d-dieħla.
Dr Muscat għamel żjara lill-fabbrika De La Rue, li tagħmel parti minn kumpanija internazzjonali li tipproduċi flus kontanti u passaporti.
Huwa tkellem mal-impjegati dwar l-importanza li l-Gvern jagħti lill-investiment ta’ kumpaniji simili. 
Fakkar li f'Marzu tas-sena d-dieħla se jorħsu l-kontijiet tad-dawl b'15% għal negozji u industriji.