Read in English.
L-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) qalet li l-Prim Ministru ma jistax jibqa’ jaġixxi qisu kollox normali, donnu kollox “business as usual” waqt li n-nies qegħdin jitilfu ħajjithom minħabba l-coronavirus.
Fi stqarrija maħruġa kmieni dalgħodu, il-MAM appellat biex l-awtoritajiet Maltin jieħdu miżuri biex jikkontrollaw l-imxija bħalma qed isir f’pajjiżi barranin bħal Spanja, Franza u r-Renju Unit.
Stqarret li hija mħassba ħafna fuq “in-nuqqas ta’ tmexxija waqt li l-epidemija titlef il-kontroll.” Fil-fehma tal-assoċjazzjoni, jeħtieġ li jsir sforz tal-aħħar qabel ma jkun disponibbli l-vaċċin, peress li l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) qed tistma li dan ikun lest sa tmiem is-sena.
Il-Prim Ministru Robert Abela lbieraħ qal li l-Gvern m’għandux l-intenzjoni li jħabbar stat ta’ emerġenza ta’ saħħa pubblika biex ma jdaħħalx il-biża’ fil-pajjiż. Huwa qal li mhux se jsakkar in-nies id-dar u jaqta’ qalb in-negozji.
Ingħad mill-MAM li minħabba sinjali mħawdin li qed jibgħat il-Gvern li l-epidemija tinsab taħt kontroll, mhuwiex iqis kemm verament hija inkwetanti s-sitwazzjoni. Minħabba dan, diversi nies mhumiex jieħdu l-ilbies tal-maskri bis-serjetà, u dan qed iwassal biex il-virus ikompli jinxtered.
Ilbieraħ tħabbret it-42 mewta bil-coronavirus, dik ta’ raġel ta’ 67 sena. Tħabbru wkoll 95 każ ġdid, filwaqt li l-jum ta’ qabel kien hemm 100 każ ġdid.
Il-MAM spjegat li s-Sala tal-Kura Intensiva fl-isptar hi kważi mimlija, u dalwaqt ma tkunx tiflaħ tieħu aktar nies, la minħabba l-coronavirus, la minħabba inċidenti jew mard ieħor. Qegħdin jidħlu wkoll pazjenti iżgħar l-isptar b’sintomi serji tal-coronavirus.
Għaldaqstant, il-MAM tissuġġerixxi li:
- Il-maskri jsiru obbligatorji ġewwa kullimkien, mingħajr eċċezzjonijiet, anke fil-post tax-xogħol
- Ikun hawn aktar tagħrif fuq kif u għaliex jintlibsu l-maskri
- Ikun hawn protezzjoni aħjar tal-anzjani u tan-nies vulnerabbli
- Jissaħħaħ l-infurzar fuq l-ilbies tal-maskri; ikun hawn aktar multi għal min ma jilbisx il-maskra
- Fl-ajruport jiġu ttestjati l-passiġġiera kollha minflok jittieħed kampjun żgħir biss
- Jitwaqqfu t-titjiriet minn pajjiżi fejn hemm lockdown totali
- Ikun inkoraġġit aktar ix-xogħol mid-dar.
Jekk dawn is-suġġerimenti ma jkunux ta’ suċċess, il-MAM qalet li l-Gvern għandu jikkunsidra aktar miżuri restrittivi.