“Il-PM ma ċaħadx l-involviment ta’ Ministru fil-hold-up tal-HSBC” – Azzopardi

Jason Azzopardi
Miguela Xuereb

Id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi stieden lill-pubbliku jinnota kif il-Prim Ministru Robert Abela ma ċaħadx l-allegazzjonijiet dwar l-involviment ta’ nies fil-Gvern Laburista fil-hold-up tal-HSBC li sar fl-2010.

Fil-programm ta’ Prof. Andrew Azzopardi fuq 103 Malta’s Heart ilbieraħ, Dr Azzopardi, li hu l-avukat tal-familja Caruana Galizia, żvela li hemm membru fil-Kabinett ta’ Robert Abela li ssemma minn Vince Muscat il-Koħħu lill-Pulizija bħala persuna involuta f’delitt li sar qabel l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Illum, imbagħad, il-gazzetta Times of Malta żvelat li eks uffiċjal u politiku għoli fil-Partit Laburista wkoll issemma mill-Koħħu b’rabta mal-attentat ta’ serqa mill-HSBC fl-2010. It-Times qalet li skont is-sorsi tagħha, il-Koħħu għad ma qalx lill-Pulizija dwar min qed jitkellem.

Vince Muscat il-Koħħu huwa wieħed mit-tliet irġiel akkużati bil-qtil tal-ġurnalista li seħħ fl-2017. L-ewwel talba tiegħu għal proklama ġiet rifjutata, u t-tieni waħda għadha pendenti. Il-ġimgħa li għaddiet, bosta wrew il-fehma li l-PM m’għandux ikollu sehem fid-deċiżjoni dwar jekk Muscat jingħatax maħfra, peress li hu qabel kien jirrappreżenta lill-aħwa Agius, magħrufin bħala Ta’ Maksar, li skont il-Koħħu, kienu dawk li provdew il-bomba li splodiet lil Daphne Caruana Galizia.

Azzopardi kiteb fuq il-paġna tiegħu fuq Facebook dwar dawn iż-żewġ aħbarijiet, u staqsa lin-nies għaliex jaħsbu li Abela ma ċaħadx dan. Staqsa, “Kieku int kont minfloku u taf li dawn huma aħbarijiet xokkanti imma mhux veritiera, kont tibqa’ sieket u ma tiċħadx?”

L-avukat allega wkoll li l-Prim Ministru ilu jaf b’dak li żvela hu fuq ir-radju minn Marzu li għadda, u xorta ma ħax azzjoni kontra din il-persuna.

Waqt attività politika fil-Belt Valletta llum, il-Prim Ministru Robert Abela stqarr li Jason Azzopardi qed jipprova jimmina l-ħidma tal-pulizija f’operazzjoni delikata, b’dak li qal.

Id-Deputat Nazzjonalista akkuża lill-Prim Ministru li huwa komdu li għandu Ministru li “hemm imqar 1% possibbiltà li kien involut fil-hold-up tal-HSBC tal-2010 u li fih għoddhom inqatlu diversi pulizija.” Azzopardi ipotetizza li li kieku l-PM sar jaf b’dan ilbieraħ, huwa kellu jsejjaħ lill-Ministri tiegħu kollha wieħed wieħed u waħda waħda biex jistaqsihom kellhomx x’jaqsmu ma’ dan id-delitt.

Huwa temm jgħid li, “M’hemmx aktar kliem biex tiddeskrivi dan il-Gvern mafjuż.”

Innutaw kif il-Prim Ministru llum MA CAHADX iz-zewg ahbarijiet li qed jiddominaw illum u ilbierah li: a) ex ufficjal u…

Posted by Jason Azzopardi on Sunday, November 1, 2020
Aktar tagħrif fuq il-Koħħu u s-serqa mill-HSBC
Assassinju Daphne: Jissemma wkoll “Il-Koħħu”