Il-PM Libjan f’Malta għal diskussjonijiet dwar iż-żejt

Il-Prim Ministru Libjan Ali Zeidan Mohamed għadu kif wasal Malta hekk kif illum għandu laqgħa mal-Prim Ministru Joseph Muscat dwar l-enerġija.

Il-laqgħa bejn iż-żewġ Prim Ministri mistennija tibda għall-ħabta tal-ħdax u nofs biex imbagħad jagħmlu konferenza tal-aħbarijiet konġunta f’Kastilja.

Ilbieraħ filgħaxija waslu Malta l-Ministru Libjan tat-Trasport, il-Ministru taż-Żejt u l-Gass u l-Ministru tal-Ekonomija.

F’Ġunju li għadda l-Prim Ministru Malti Joseph Muscat kien mar fi Tripli l-Libja għal żjara mal-Prim Ministru Zeidan fejn iddiskutew l-importazzjoni taż-żejt.

Ir-riżultat ta’ dik il-laqgħa kien li l-Prim Ministru Ali Zeidan qal li l-Gvern Libjan “hu lest jilħaq ftehim biex il-Libja tforni żejt mhux raffinat lil Malta”. Min-naħa tiegħu Dr Joseph Muscat qal li Malta hi lesta timpenja ruħha biex tilħaq ftehim mal-Gvern Libjan biex tixtri żejt u prodotti oħra direttament mil-Libja.