Il-PM kien jaf bl-għemil ta’ Silvio Valletta? – Repubblika

Read in English.

L-għaqda Repubblika qiegħda tispekula jekk il-Prim Ministru Robert Abela kienx jaf bl-“għemil korrott” tal-eks Deputat Kummissarju tal-Pulizija Silvio Valletta meta ħatar lill-mara tiegħu Justyne Caruana Ministru għal Għawdex il-ġimgħa li għaddiet.

Dalgħodu l-Prim Ministru aċċetta r-riżenja ta’ Caruana wara li lbieraħ u llum ħarġu rapporti dwar ir-relazzjoni bejn Valletta u Yorgen Fenech, sid il-kumpanija 17 Black, akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Artiklu maħruġ minn The Sunday Times ilbieraħ qal li meta Valletta kien għadu Deputat Kummissarju tal-Pulizija, siefer ma’ Yorgen Fenech. Dak iż-żmien Fenech kien diġà identifikat bħala persuna ta’ interess fil-każ tal-assassinju tal-ġurnalista. Valletta kkonferma mal-istess ġurnal li hu siefer ma’ Fenech, iżda stqarr li ħallas hu u li kien ilu minn Ġunju tal-2018 ma jaħdem fuq il-każ.

Rapport ieħor maħruġ dalgħodu fuq it-Times of Malta jgħid li Fenech iffilmja lil Silvio Valletta jikkummiedja bħallikieku huwa s-sid tar-Rolls Royce ta’ Fenech. Il-filmat ittieħed mill-mowbajl ta’ Fenech u kien intbagħat lill-Prim Ministru għall-investigazzjoni.

Fl-istqarrija tagħha, Repubblika allegat li “kollegi ta’ Justyne Caruana ħadmu biex fixklu l-investigazzjonijiet u aktarx għad sal-lum irnexxielhom iżommu milli tittieħed azzjoni fuq il-persuni kollha responsabbli minn dan il-qtil.”

L-NGO sejħet id-deċiżjoni ta’ Abela li jaħtar lil Caruana Ministru għal Għawdex mill-ġdid “deċiżjoni ħażina li pprovat tinjora fatti magħrufa.” Żiedet tgħid li minħabba f’hekk, ikollha tistaqsi jekk Abela kienx jaf bl-għemil ta’ Valletta meta ħa din id-deċiżjoni, iżda “għal raġunijiet interni tal-partit ma setax iħalliha barra mill-Kabinett.”

Hija qalet li tistenna li Abela jneħħi lil Caruana minn Whip tal-Partit Laburista peress li jekk ma jagħmilx dan “Robert Abela jibqa’ jitgħabba bir-responsabbiltà politika tal-għemil ta’ dawn id-deputati.”

Apparti dan, l-NGO qalet li hemm deċiżjonijiet oħra fil-Kabinett li Abela għad jiddispjaċih li ħa, bħal dik li jinkludi lil Edward Scicluna bħala Ministru mill-ġdid, peress li Scicluna ħatar lil Valletta fl-FIAU. Semmew ukoll l-inklużjoni ta’ Owen Bonnici, u l-konfermi jew ħatriet ta’ Sandro Craus, Kenneth Camilleri, Glenn Bedingfield, Jeffrey Pullicino Orlando, Robert Musumeci, Jason Micallef u Tony Zarb, fost l-oħrajn.

Justyne Caruana saret Ministru għal Għawdex fl-2017 u reġgħet inħatret fl-istess pożizzjoni l-ġimgħa li għaddiet bħala parti mill-Kabinett tal-Prim Ministru Robert Abela.