Il-PM kaxkar saqajh għal 8 xhur dwar Michael Falzon – Simon Busuttil

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil sostna li l-Gvern jinsab fi kriżi ta’ korruzzjoni.
Qal li dan huwa l-messaġġ li joħroġ mir-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-każ ta’ Gaffarena.
F’reazzjoni wara l-pubblikazzjoni tar-rapport, Simon Busuttil qal li l-Awditur Ġenerali jagħti raġun lill-Oppożizzjoni u juri kemm hi oppożizzjoni effettiva.
Sostna li l-Oppożizzjoni tqis li dan ir-rapport ikompli jkisser il-kredibilità politika tal-Prim Ministru Joseph Muscat.
Simon Busuttil qal li Joseph Muscat Muscat jinsab fi freefall għaliex hu l-Ministru responsabbli mill-Artijiet, għaliex l-akbar skandli saru mill-Ministeru tal-Prim Ministru, għaliex kaxkar saqajh għal tmien xhur sħaħ u għaliex fi kliemu l-Prim Ministru kien kostrett jagħmel dak li għamel.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-Prim Ministru għamel lill-Gaffarena miljunarju minn flus il-poplu u sostna li għall-korruzzjoni qed iħallsu l-familji.
Qal li l-poplu xeba’ b’dawn l-iskandli u qed ifittex tama ta’ stil ta’ politika differenti.
Simon Busuttil qal li l-Partit Nazzjonalista qed joffri tama ta’ fiduċja ġdida fil-politika, li tkun onesta, nadifa u korretta.