Il-PM jitlaq issa; ħallukom mis-selfies – Engerer

Read in English.

L-ex konsulent u bijografu tal-Prim Ministru Cyrus Engerer qal li l-Prim Ministru għandu jirriżenja immedjatament għax dan mhux żmien is-selfies.

Engerer, deskritt mill-Prim Ministru bħala suldat tal-Azzar, qal li l-ħsara li qed issir lill-pajjiż tmur lil hinn minn dik immaġinabbli.

F’kumment fuq facebook li tħassar ftit tal-ħin wara, Engerer qal li Malta jixirqilha aħjar minn hekk.

Huwa qal li l-ħsara qed ssir lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna ma’ kull ġurnata li tgħaddi qed tiżdied u se tieħu żmien twil ħafna biex tirranga.

Engerer qal li ir-relevanza ta’ pajjiżna fi ħdan l-Unjoni Ewropea qed titnaqqar kollha u n-negozji Maltin u Għawdxin qed jieħdu daqqa minħabba l-instabbilità u dawk li għamlu investimenti qed jaraw ċpar biss.

F’dik li qed titqies bħala referenza ċara għas-selfies li ħa l-Prim Ministru ħa wara li ġie aġġornat il-parlament, Engerer qal:“Din is-sitwazzjoni mhux sostenibbli. Mhux żmien tas-selfies u t-tbissim. Il-pajjiż deċiżjonijiet għandu bżonn. Iddiżgustat.”

F’tweġiba għal post li saret taħt il-kumment tiegħu, Engerer qal li hu dejjem għamilha ċara li l-interess tal-pajjiż jiġi l-ewwel. “Iva, għidt lil PM li kellu jirriżenja kemm internament u anke pubblikament,” hu qal.

Hu qal li minn dak li ħareġ jidher ċar li l-pajjiż u l-Partit Laburista ġie tradut minn Konrad Mizzi u Keith Schembri.