Il-PM jistieden lil Simon Busuttil jagħżel membru tal-Bord

F’ittra li l-Prim Ministru Joseph Muscat bagħat lill-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, hu stiednu jagħżel weħed mit-tliet persuni li se jifformaw parti mill-Bord ta’ Inkjesta maħtur biex jinvestiga l-każ tax-xufier li spara.
Fl-ittra Joseph Muscat akkuża lil Simon Busuttil li pubblikament “qiegħed jivventila numru ta’ allegazzjonijiet”. Qal li l-għan tal-Bord li se jaħtar hu li jiġi determinat jekk kienx hemm involviment mhux leċitu min-naħa tal-Ministru Manuel Mallia jew uffiċjali oħra. Barra minn hekk il-Bord se jiddetermina wkoll l-allegazzjoni li l-Ministru intervjena biex l-jgħatti l-aġir tax-xufier.
Barra minn hekk, il-Prim Ministru stieden ukoll lill-Kap tal-Oppożizzjoni biex jibgħat isem ta’ ġudikant irtirat tal-fiduċja tiegħu sabiex iservi bħala Ċerperson tal-Bord ta’ Inkjesta. Temm l-ittra billi talab lil Simon Busuttil jibgħatlu n-nomina tiegħu s’għada sas-6.00 ta’ flgħaxija.
B’reazzjoni għal dan, Simon Busuttil fuq Twitter qal li “Il-Ministru Mallia għaffeġ dan il-każ u għaldaqstant hu għandu jaffaċja s-sitwazzjoni” u appella lil Joseph Muscat biex għal darba jirreaġixxi ta’ Prim Ministru.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-Prim Ministru “issa jrid ifarfar fuq inkjesta oħra meta diġà għaddejja waħda u meta kulħadd jaf li ebda mħallef ma jista’ jidddeċiedi min għandu jerfa’ r-responsabbiltà politika ta’ dak li seħħ nhar l-Erbgħa.”
Simon Busuttil sostna li flok jispara bl-addoċċ, għal darba Joseph Muscat għandu jerfa’ r-responsabbiltà politika ta’ Prim Ministru.