Il-PM jirringrazzja lil Michael Mifsud għas-servizz tiegħu fit-tim nazzjonali

Michael Mifsud iltaqa mal-Prim Ministru Robert Abela fil-Berġa ta’ Kastilja wara li ftit tal-jiem ilu huwa rtira mit-tim nazzjonali tal-futbol. Mifsud lagħab l-aħħar logħba tiegħu fil-Grawnd Nazjonali ta’ Ta’ Qali kontra t-tim Nazzjonali tal-Liechtenstein. Huwa niżżel ismu fost l-iskorers.

Il-Prim Ministru Robert Abela rringrazzja lil Michael Mifsud tas-servizz li ta lit-tim nazzjonali u sostna li l-pajjiż kollu huwa kburi b’dak li rnexxilu jikseb. Dr Abela ppreżenta tifkira lil Mifsud filwaqt li l-player Malti rreċiproka b’għotja ta’ flokk tat-tim Nazzjonali lill-Prim Ministru.

Matul il-karriera tiegħu Michael Mifsud lagħab għal kważi 20 sena konsekuttivi għal Malta fejn libes il-flokk tat-tim nazzjonali għal 143 darba u skorja 42 gowl.

Fil-karriera tiegħu Mifsud lagħab ukoll ma’ timijiet bħal FC Kaiserslautern, Lillestrom u Coventry City fost oħrajn. F’Malta huwa beda jilgħab ma’ Sliema Wanderers u preżentament huwa player tat-tim ta’ Sirens.

Għal din il-laqgħa l-Prim Ministru kien akkumpanjat mis-Segretarju Parlamentari Clifton Grima. Preżenti wkoll kien hemm il-Viċi President tal-Malta Football Association, il-Perit Ludovico Micallef.