Il-PM jirringrazzja lil Keith Schembri

"Schembri bniedem ta' integrità"

Read in English.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat f’kumment li ssorprenda ħafna nies irringrazzja lil Keith Schembri immedjatament wara li ħabbar li Schembri kien irriżenja minn Chief of Staff fl-Uffiċċju tiegħu.

Ftit qabel l-elezzjoni tal-2017, il-Prim Ministru, waqt intervista fuq il-programm Xtra li Saviour Balzan jippreżenta fuq TVM, kien iddeskriva lil Schembri bħala “bniedem ta’ integrità”. Kien qal ukoll li ċert li Schembri ma jiħux vantaġġ personali mill-pożizzjoni uffiċjali tiegħu.

Meta f’April 2016 il-Parlament kien iddiskuta mozzjoni ta’ sfiduċja f’Keith Schembri, il-Prim Ministru kien qal li se jżommu f’postu għax kien hu li għen lill-Partit Laburista jirbaħ l-elezzjoni. Huwa qal ukoll li għandu fiduċja fi Schembri.

Min hu Schembri?

Schembri flimkien ma’ Konrad Mizzi kien fetaħ kumpanija sigrieta fil-Panama eżattament wara l-elezzjoni tal-2013. L-awdituri tiegħu kienu għamlu sforzi kbar biex isibu bank li jkun lest li jiftaħ kont fejn Schembri jkun jista’ jiddepożita sa miljun ewro fis-sena.

Schembri kien akkumpanja lill-Prim Ministru f’laqgħa mad-dittatur tal-Azerbajġan; laqgħa li għaliha ma kinitx mistiedna l-midja. L-Azerbajġan huwa wieħed mill-aktar pajjiżi korrotti fid-dinja.

Rapport tal-Aġenzija tal-Gvern Kontra l-Ħasil tal-Flus (FIAU) jgħid li hemm suspetti serji li Schembri kien ħati ta’ ħasil ta’ flus.

Aktar tard kien ħareġ li l-kumpanija sigrieta ta’ Schembri kellha tirċievi sa żewġ miljun ewro mingħand il-kumpanija 17 Black ta’ Yorgen Fenech, li kien wieħed mix-shareholders ta’ Electrogas. Schembri kellu rwol importanti biex ingħata dan il-kuntratt.

Meta Yorgen Fenech kien qed jiġi interrogat mill-Pulizija semma lil Keith Schembri, Chief of Staff tal-Prim Ministru, inkonnessjoni mal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Il-Pulizija bagħtu biex jinterrogaw lil Keith Schembri ftit wara li l-Prim Ministru rringrazzjah.