Il-PM jirreaġixxi għat-talba tal-familja ta’ Daphne biex jiġi investigat

Malta's Prime Minister Joseph Muscat talks to the media as he arrives at his office at Auberge de Castille in Valletta, Malta, December 2, 2019. REUTERS/Vincent Kessler

Read in English.

Wara li lbieraħ il-familja tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia fetħet protest ġudizzjarju kontra l-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Avukat Ġenerali sabiex Muscat jiġi investigat, l-uffiċċju tal-Prim Ministru llum ħabbar li fetaħ kontro-protest.

Il-protest tal-familja Caruana Galizia qed jitlob fost l-oħrajn, sabiex il-Prim Ministru ma jibqax involut fl-investigazzjonijiet u l-proċedimenti kriminali u l-proċess li bih l-evidenza se tinġabar fl-inkjesta pubblika. Il-protest ġudizzjarju ġie ffirmat mill-avukat Therese Comodini Cachia, Eve Borg Costanzi, Jason Azzopardi u Peter Caruana Galizia.

Intant, il-kontro-protest miftuħ mill-Prim Ministru u l-Avukat Ġenerali jgħid li l-iżviluppi tal-aħħar jiem fl-investigazzjoni tal-ġurnalista assassinata jikkonfermaw illi l-istituzzjonijiet tal-pajjiż jaħdmu u jagħmlu xogħolhom sew. Isostni li Muscat qatt ma ndaħal fl-investigazzjonijiet u mhux bi ħsiebu jagħmel dan.

Il-kontro-protest jgħid li hija xi ħaġa tal-iskantament kif wara li ntlaħaq ftehim mal-familja Caruana Galizia dwar tibdiliet fil-kompożizzjoni tal-bord tal-inkjesta pubblika, qed jiġi affaċċjat b’insinwazzjoni li se jkun qed jindaħal fil-proċess tas-smigħ tal-provi. Intant qal li l-arresti li saru fl-investigazzjonijiet huma konferma fihom innifishom tal-indipendenza tal-investigazzjonijiet u mhux ta’ xi nuqqas ta’ indipendenza.

Il-kontro-protest iffirmat mill-Avukat Victoria Buttigieg u l-Prokuratur Legali Heidi Testa, jgħid li l-Prim Ministru jenfasizza li qatt ma ppretenda li la fl-irwol tiegħu u lanqas bħala ċittadin, ma huwa ‘l fuq mil-liġi.