Aġġornata: Il-PN jgħid li kellu raġun dwar it-€13,000 ta’ Sai Mizzi Liang

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil dalgħodu qal li l-Partit Nazzjonalista kellu raġun meta qal li mart il-Ministru Konrad Mizzi tieħu €13,000 fix-xahar f'paga u benefiċċji oħra.  
Fuq Facebook, Busuttil qal li "f'Malta Soċjalista, jekk tkun mara ta' Ministru, taf tingħata kariga għolja".

Aktar kmieni:  Il-Prim Ministru Joseph Muscat, fil-Parlament illejla, qiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt ta’ Sai Mizzi Liang u l-pay slip tagħha flimkien ma' kopja ta' kuntratti li saru fi snin preċedenti lil ambaxxaturi ta' Malta fiċ-Ċina. Dan waqt id-dibattitu fil-Parlament dwar il-ftehim li l-Gvern Malti ffirma maċ-Ċina fl-aħħar jiem hekk kif il-Prim Ministru għamel Stqarrija Ministerjali fil-ftuħ tas-seduta Parlamentari.
L-Oppożizzjoni ilha tikkritika l-ħatra ta’ mart il-Ministru Konrad Mizzi bħala invjat tal-Gvern Malti fiċ-Ċina iżda l-Prim Ministru llejla sostna li mertu kbir mir-riżultati li akkwista l-Gvern dan l-aħħar fiċ-Ċina hu mertu tas-Sinjura Mizzi. Sostna li Malta qed iġġib riżultati kbar meta mqabbla mar-riżorsi li qed tiddedika fiċ-Ċina u li, qal, iridu jiżdiedu.
Qal li mhux veru li hi tieħu paga ta’ €13,000 fix-xahar imma ta’ €3,700 fix-xahar u sostna li s-Sinjura Mizzi għandha l-istess kundizzjonijiet tal-ambaxxaturi l-oħra kollha li kienu ċ-Ċina, u l-istess bħal ta' "sieħeb il-Kap tal-Oppożizzjoni" Richard Cachia Caruana. 
Tista' tara l-kuntratt u d-dokumenti mqiegħda fuq il-Mejda tal-Kamra, hawn taħt.